Is-survey tal-Malta Today qed jipprova jnaqqas id-disfatta tal-Partit Nazzjonalista: il-veru distakk hu ta’ 41,000 vot
Illum għandna żewġ surveys ippubblikati wieħed fil-Malta Today u l-ieħor fit-Torċa. Fil-verita’ hija li t-tnejn qed jgħidu l-istess ħaġa imma b’modi differenti. Il-Malta Today qed tnaqqas l-impatt tad-disfatta Nazzjonalista u qed tgħid li d-distakk bejn iż-żewġ partiti niżel b’10,000 vot. B’hekk skont il-Malta Today, id-differenza hija ta’ 36,000 vot. Fl-istess nifs qed tgħid li r-riżultat elettorali ser ikun bħal dak tal-2017. Imma hemm xi ħaġa li mhux qed treġi fin-narrattiva tal-Malta Today.
Dak li ġara hu li dawn iż-żewġ surveys niżżlu id-distakk minn dak ta’ Novembru meta saħansitra d-distakk kien ta’ 56,000 vot. Dan juri kemm kien żballjat il-Prim Ministru li ma għamilx elezzjoni dak in-nhar.
Imbagħad meta tara kif inħadmu s-surveys issib li l-Malta Today konvenjentement qed tinjora l-astensjonijiet u dawk li qed jgħidu mhux ser jivvutaw. Fil-każ tas-survey tat-Torċa, li sar minn Vincent Marmara, dawn ma ġewx injorati.
Dak li joħroġ tajjeb fis-survey ta’ Marmara hija li dawk li qed jgħidu li mhux ser jivvutaw fiż-żewġ partiti huma fuq l-istess livelli. Anzi dan is-survey ta’ Marmara joħroġ verament x’inhi l-problema tal-PN. Il-votanti fi ħdanu li qed jgħidu li ma jafdawx lill-ebda politiku hija ikbar minn fost il-votanti Laburisti. Dan ifisser li l-PN ser ibati aktar b’astensjonijiet mill-Partit Laburista f’din l-elezzjoni u din hija waħda mir-raġunijiet għala hemm dan il-gap kollu. Jiddispjaċini ngħid li l-istrateġisti tal-PN ma ħadmux fuq dawn in-nies. Kieku ħadmu tajjeb fuq dan il-gap u mhux inħlew jattakkaw lil xulxin kieku llum qegħdin f’pożizzjoni aħjar.

Mela jekk wieħed jaqra sew dawn ir-riżultati jsib li d-distakk veru hu ta’ 41,000 vot jiġifieri bħal ma kien fl-elezzjonijiet tal-MEPs. Ħafna inqas minn 56,000 vot li kellna fis-surveys ta’ Novembru imma qiegħed fl-istell livell tal-elezzjoni tal-MEPs ta’ 2019 jekk mhux ukoll ftit aktar.
Mela għala l-Malta Today f’dawn l-aħħar surveys li qed tippubblika dejjem qed tipprova tagħti stampa feliċi lil Partit Nazzjonalista meta ma teżistix? Darba Saviour Balzan kien għajjarni “a gun for hire”! Nispera li wara li tela’ Bernard Grech ma nxtrawx mill-Partit Nazzjonalista biex ipenġilhom stampa sabiħa dwar id-disastru li ġej fuq dan il-partit. Finalment ir-riżultat aħħari jgħodd u huwa fl-interess ta’ kull statistician li jpinġi l-istampa kif inhi.
Nifhem li l-mod kif ikun ippreżentat survey jista’ jgħin partit biex jikkonvinċi lil dawk imħassba jew qatgħu qalbhom biex joħorġu jivvutaw. Imma meta din tinkixef, dak li jkunu għamlu jibda jitlef il-kredibilita’ tiegħu. Fuq kollox, kull ma trid bażi tajba tal-matematika biex tinduna li d-distakk mhux ta’ 36,000 imma huwa ta’ 41,000, jiġifieri fuq l-istess livell tal-elezzjoni tal-2019. Dan hu fil-linja ma dak li ħabbar il-bieraħ fuq dan is-sit meta għidt li s-surveys għada ser jikkonferma li d-distakk hu ta’ aktar minn 40K.
Ma hemmx dubju li dan is-survey tal-Malta Today ġie ppreżentat kif ġie ppreżentat biex jingħad li l-PN irkupra 10,000 vot fi tliet ġimgħat. Infatti ġa l-membri parlamentari u l-kandidati qed ikunu mħeġġa li jmexxu din l-għajta fuq il-Facebook page tagħhom!

Bis 70,000,000 ewro fil bwiet tan nies ga zied 15,000 il tal Labour.