Bernard Grech qal lill-membri parlamentari tiegħu biex jieqfu jużaw kliem ta’ mibegħda u għandu raġun
Minn osservatur politiku
Nixtieq nagħmel referenza għall-artiklu mtella’ f’dan is-sit il-bieraħ 3 ta’ Frar taħt it-titlu “Il-bieraħ, Bernard Grech qal lill-membri parlamentari tiegħu biex jieqfu bit-tgħajjir lejn xulxin.” Dan l-artiklu ttella’ b’referenza għal dak li ġara fil-jum ta’ qabel, jiġiferi fit-2 ta’ Frar meta saret il-laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista. Kif għidt fl-artiklu, wara din il-laqgħa, Bernard Grech offra drinks lid-deputati tiegħu.
Forsi dan l-artiklu kien ġeneriku fil-kliem tiegħu. Imma hawn ser nagħtik ftit aktar informazzjoni ta’ x’ġara f’dik il-laqgħa. Bernard Grech qal lill-membri parlamentari tiegħu biex “jieqfu jużaw kliem ta’ mibgħeda.” Issa nimmaġinaw għaddejja din il-laqgħa u n-nies preżenti. Ikollok lill-Kap fuq il-post prinċipali u l-oħrajn iħarsu lejh.
Fuq quddiem net, faċċata ta’ Bernard Grech kien hemm it-trijonvirat tal-Public Accounts Committee. Dawn it-tliet deputati kienu qiegħdin bil-qiegħda qrib xulxin u nħalli lil kulħadd jimmaġina kif dawn it-tliet kapurjuni, Beppe Fenech Adami, Carol Aquilina u Ryan Callus, bdew ibiddlu l-kuluri meta Bernard Grech beda jgħid biex ma jużawx kliem ta’ mibgħeda.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kellna spettaklu fil-Public Accounts Committee fejn kulħadd seta jassisti għall-mistoqsijiet magħmulin minn dawn it-tliet deputati li jippreżentaw lill-Partit Nazzjonalista f’dan il-Kumitat partikulari. Kulħadd seta jara b’għajnejh u jisma’ lil dawn it-tlieta jlissnu kliem mhux idoneu għall-parlament meta kienu qed jindirizzaw lil Konrad Mizzi.
Ikolli ngħid li f’dak il-waqt tal-grupp parlamentari fejn Bernard Grech beda jgħid biex ma jintużax aktar kliem ta’ mibgħeda dawn it-tliet deputati żgur li bdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom li Bernard Grech kien qed jgħid għalihom.
Kellu raġun Bernard Grech ikompli jgħid li dak il-kliem ta’ mibgħeda kull ma kien qed jagħmel kien li jtellef il-voti lill-Partit Nazzjonalista.
Dr Grech kompla jgħid li l-poplu xeba’ minn dan it-tip ta’ diskors u ma jridx jisimgħu aktar. Ħafna mid-deputati preżenti żgur li kkummentaw li fl-aħħar stenbaħ Bernard Grech u beda jirrealizza li dawn it-tliet deputati partikulari kulma qed jagħmlu qiegħed li jpinġu lilhom infushom bħala deputati li ma jiddejqux jgħajjru lill-avversarji politiċi tagħhom.
Biss għalkemm jistgħu forsi jakkwistaw xi vot fuq livell personali, żgur li qed jagħmlu ħafna ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Din il-farsa f’dan il-kumitat trid tieqaf jekk verament dawn it-tliet deputati jħobbu lill-partit tagħhom u jiġu jitmellħu mit-telf ta’ voti lill-partit.
