In-NET TV irid jevita programmi fejn il-mistieden jivvomita grudges personali kontra avversarji politiċi
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
Il-bord editorjali tan-NetTV għandu jevita kull forma ta’ intervisti ma’ persuni li ma jagħmlux ġid lill-Partit Nazzjonalista aktar u aktar meta b’dak li jgħidu jwassal għal “overkill” tal-persuna politika li tkun qed tiġi kkritikata. Il-bieraħ filgħaxija, eżattament waqt il-peak hour għas-segwaċi telespettaturi tan-NetTV, il-bord editorjali u d-diriġenza tan-Newsroom ta’ MedjaLink Communications deherilhom li waqt il-qofol tal-programm NetLive jiddedika ċertu spazju u ħin sostanzjali għal żewġ kollegamenti trażmessi diretti.
Dawn iż-żewg kelliema (fost il-kontributi simili minn sensiela ta’ mistiedna oħra preżenti fl-istudjo f’dawn l-aħħar jiem) kif kien ippjanat u għalhekk żgur mhux b’kumbinazzjoni, it-tnejn li huma kienu jittrattaw is-suġġett tar-remunerazzjoni li kienet tirċievi d-ditta legali ta’ Dr Robert Abela fl-ambitu tal-kuntratt ta’ servizzi professjonali li kienet intgħażlet toffri lill-Awtorita’ tal- Ippjanar u Ambjent (MEPA) u sussegwentement kif reġa’ intirtet mill-Planning Authority.
Tajjeb li wieħed ifakkar li dan l-għoti ta’ kuntratt għal ħidma professjonali kien l-ewwel seħħ lejn tarf tal- amministrazzjoni GonziPN u li mbagħad iġġedded fil-perjodu tal-gvern ta’ Dr Joseph Muscat minn Marzu 2013 ‘l quddiem. Dal-kuntratt partikulari kien estiż biex jinkorpora wkoll iż-żmien wara l-elezzjoni ta’ Ġunju ‘17, fejn minflok mad-deputat parlamentari elett Dr. Robert Abela aċċetta li jassumi responsabilità ministerjali huwa kien ġie appuntat konsulent/espert tal-Prim Ministru Muscat bi dritt ta’ preżenza fis-seduti tal-kabinett tal-ministri.
Huwa interessanti wkoll li wieħed jinnota li din il-fażi ta’ ħidma amministrattiva professjonali, li allura tħalltet ukoll ma’ dik purament politika, kienet ġiet imżewqa bil-ħatra ta’ mart Dr. Abela stess bħala segretarju amministrattiv eżekuttiv tal-Partit Laburista hekk kif kien għadu kif ħa f’idejh ir-riedni tal-gvern.
Mela l-bieraħ, iż-żewġ kollegamenti Skype suċċessivi kellhom bħala mistiedna speċjali lill-ħabib tiegħi Dr. Mark Anthony Sammut Sassi u lill-awtur u kummentatur storiku-politiku Mark Camilleri. Filwaqt li n-Nutar Mark Anthony, permezz tal-kredenzjali ta’ rispett, integrita’ u onesta żamm mal-qafas tas-sekwenza tal-mistoqsijiet inċiżivi li sarulu mill-preżentatur fabbli u kapaċi l-ġurnalist Robert Cremona, Mark Camilleri li huwa lawreat fl-istorja għażel li jinżel għall-istil ta’ lingwaġġ profan għall-aħħar u dan naturalment konsistenti mal-karattru ta’ ‘gwerrier radikali tax-Xellug’ li dejjem sodisfatt li jimmanifesta bla biża’ jew favur.
Ġara li l-qofol tat-trażmissjoni NetLive tal-bierah filgħaxija spiċċat maħtufa minn kummenti dispreġġjattivi u kważi insulti diretti personali fir-rigward tal-karattru u ħidma professjonali tal-Prim Ministru Dr Robert Abela. Is-sensiela ta’ disprezz u tfieħ ta’ tajn żgur ma tixraqx, anzi tistona għall-aħħar mas-soltu standard għoli ta’ kontenut fattwali u stil ta’ lingwaġġ użat konsistement mill-mistiedna magħżula għal dan l-Istar programme tan- NetTV.
Sfortunatament wieħed seta’ ukoll faċilment jinduna li t-tliet mistoqsijiet li sarulu kienu mfassla apposta sabiex Mark Camilliri jiġi xprunat ‘jerħilha’ bit-ton ta’ diskors li għalkemm deher ċar li kien pjuttost sinċier, seta’ faċilment kien aktar moderat sabiex ma jingħatax wieħed x’ jifhem li kien forsi instigat minn ċertu ‘grudges’ personali ta’ natura soċjo-kulturali u klassisti għall-aħħar.
It-tellief prinċipali l-bieraħ minħabba din l-attitudini immatura u meskina hekk kif b’xorti ħażina żvolgiet b’mod kjarament intenzjonat la huwa l-istess Prim Ministru Robert Abela u lanqas ma deher li kien ‘l-imbierek’ mistieden żbukkat Mark Camilleri nnifsu. Wara kollox kien ovvju li t-ton ta’ diskorsu kien joqgħodlu sew.
Lanqas ma jidher li mar minn taħt il-preżentatur, bl-esperjenza fina li jgawdi l-illustri Robert Cremona li żgur ma ħariġx konfuż anzi donnu kien sodisfatt tant li dlonk stieden lil dan ‘l-imqareb’ għall-kollegamenti oħrajn f’programmi futuri. Tabilħaqq huwa l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista stess li sewwasew spiċċa minn taħt għax, anke jekk intortament iżda iva b’nuqqas ta’ strategija u ‘foresight’ tat-tim editorjali, il-bieraħ spiċċa immanifesta ċertu nuqqas vis-a-vis l-aspettativa li għandhom it-telespettaturi Nazzjonalisti u mhumiex għall-kwalita’ dekoruża mistennija mill-istazzjon NetTV.
Il-Bord Editorjali tan-NetTV għandu jevita kull forma ta’ OVERKILL tal-persuna u karattru tal-avversarju politiku. Din il-kritika kostruttiva għandha tgħodd ovvjament prinċipalment għax-xejra kultant dispreggjativa żżejjed użata fil-kontenut tar-rappurtar tal-istejjer politici li jittellgħu bħala news items fil-bulettini tal-aħbarijiet tan-NetNews. Id-disprezz manifestament ipprogrammat u intenzjonat fil-konfront tal-avversarju politiku m’għandu jgħodd qatt… lanqas fil-qilla tal-qofol tal-kampanja elettorali. Jiswa biss sabiex titnaqqar il-kredibilita’ tat-telespettatur mhux politikament affiljat u wisq anqas ‘iffissat’. Il-konsegwenza aħħarija tkun is-solitu staġnar fir-ratings tal-udjenza televiżiva.