Il-kandidati tal-PN ordnati biex jgħidu li l-PN ser jirbaħ l-elezzjoni, ifaħħru lill-kap u jgħidu li ltaqgħu ma’ Laburisti li ser jivvutaw PN
Dan is-sit jinsab infurmat li bħal issa l-kandidati kollha Nazzjonalisti għandhom ordni li meta jitkellmu jew jiktbu jgħidu li l-PN ser jirbaħ, ifaħħru lill-kap u jgħidu li qed jiltaqgħu ma’ Laburisti li qed jgħidulhom li mhux ser jivvutaw Lejber imma lill-Partit Nazzjonalista.
Infatti, it-tmexxija tal-partit meta tagħżel il-kelliema għall-prietki tal-Ħadd , qed jgħidulhom biex jieħdu nota ta’ dawn it-tliet punti meta jippreparaw id-diskorsi tagħhom. L-ewwel jgħidulhom biex jenfasizzaw li l-Partit Nazzjonalista ser jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Konferma ta’ dan kien id-diskors tal-politiċi tal-bieraħ il-Ħadd. Min sema’ l-kelliema Nazzjonalisti fid-diskorsi li saru fir-Rabat, Malta, seta’ jisma’ kif tkellmu Robert Cutajar u Joseph Grech. Dawn iż-żewġ kelliema kemm-il darba għaddew kummenti favorevoli lejn il-Kap tagħhom. Semmew ukoll xi eżempji ta’ nies li ltaqgħu magħhom fil-house visits li qalulhom li fl-2017 kienu ivvutaw Labour u issa ser jaqilbu l-vot lejn il-Partit Nazzjonalista. Bi kliemhom dawn iż-żewġ kelliema ikkonfermaw dak li qed jintqal fil-kuruturi tad-Dar Ċentrali.