Il-Gvern jiċħad li waqqaf formalment il-leave tal-kapijiet tad-Dipartimenti tal-Gvern għat-tliet xhur li ġejjin
Il-gvern bagħatli din ittra li qed nippubblika f’dan is-sit bħala dritt ta’ risposta għall-artiklu li ktibt illum fejn fih għidt li l-Gvern qed iwaqqaf il-leave għat-tliet xhur li ġejjin għall-kapijiet tiegħu. Din id-dritt ta’ risposta saret b’referenza għall-artiklu “Niżvela għala qed jingħad li l-elezzjoni ser issir fit-12 ta’ Marzu”, li deher fuq dan is-sit simonmercieca.com. Fiha ntqal hekk:
Issir referenza għall-artiklu “Niżvela għala qed jingħad li l-elezzjoni ser issir fit-12 ta’ Marzu”, ippublikat illum it-Tnejn 31 ta’ Jannar 2022.
Irid jiġi ċċarat li mhuwiex minnu li “l-kapijiet tad-dipartiment tal-Gvern ġa ngħataw istruzzjonijiet li ma jistgħux jieħdu leave għal tliet xhur li ġejjin.” Aktar minhekk ma ħarġu l-ebda struzzjonijiet speċifiċi dwar teħid tal-leave mal-gvern.
Direzzjonijiet bħal dawn li jolqtu Kapijiet ta’ Dipartiment jew li jolqtu s-Servizz Pubbliku inġenerali joħorġu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. Dan l-Uffiċċju ma ħareġ l-ebda direzzjonijiet jew struzzjonijiet bħal dawn.
F’dan l-artiklu jiena tajt numru ta’ raġunijiet għala qed jgħidu li l-elezzjoni ser issir fit-12 ta’ Marzu. Waħda minnhom kienet marbuta maż-żjara tal-Papa u l-kondizzjonijiet imposti mill-Vatikan fuq il-gvern marbuta ma’ din iż-żjara li żgur ser ikollhom impatt fuq id-data tal-elezzjoni. Dawn ma ġewx miċħuda mill-Gvern. Minflok, il-Gvern ċaħad dak li għidt dwar il-leave. Waqt li verament ma ħarġu l-ebda direttivi formali, dan is-sit hu infurmat li kien hemm ministeri fejn taw direttivi informali f’dan is-sens.
Dan is-sit jisħaq li kapijiet ġew mitluba biex jinfurmaw lill-permanent secretary qabel ma japplikaw għal-leave. Is-sistema qabel kienet dik li wieħed japplika through is-sistema mingħajr bżonn li jinforma lill-Permanent Secretary. Saħansitrat kien hemm kapijiet li ntqal ċar lilhom li ma kienx ser ikun approvat l-ebda leave. Napprezza jekk id-dipartiment tal-informazzjoni jibgħat kjarifika fuq dan il-punt.
Fl-istess waqt irċevejt din ir-reazzjoni mingħand persuna midħla sew ta’ dawn l-affarijiet fejn qalli li hija veru li l-ministri qed jgħidu li l-elezzjoni ser issir fit-12 ta’ Marzu. L-indikazzjonijiet kollha juru din id-data. Imma din il-persuna kompliet tgħidli li hemm bżonn ta’ ħafna preparamenti loġistiċi li ma jistgħux isiru fi żmien tliet ġimgħat minn wara li tkun saret elezzjoni. Din il-persuna kompliet tgħidli hekk:
“Jien ma neskludiex li l-elezzjoni ssir f’Ġunju u b’hekk Robert Abela jerġa’ jagħmel kif kien sar meta tmexxiet id-diċerija li l-elezzjoni kienet ser issir f’Novembru u mbagħad ma saritx.
Jien lil George Abela nafu fil-partit u naf sew perjodu ta’ 1998 meta kont miegħu, wieħed mill-ftit fil-Partit Laburista li konna kontra l-elezzjoni bikrija. Veru Marzu mhix bikrija wisq imma għad hemm proġetti “pending” biex jimmaturaw kemm f’Għawdex kif wkoll f’Malta. Bir-rata li mexjin, hemm anki ċans li l-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-lista griża tkun riveduta sa Ġunju li ġej. Fuq kollox f’Ġunju jibda dieħel sajf u jkollna anqas każijiet ta’ covid. Imbagħad hemm dak li darba kont ktibt inti fuq dan il-blog tiegħek. L-elezzjoni f’Ġunju taħbat mal-festi tas-Sette Ġunju u mar-rebħa Laburista tal-2017. B’hekk ma neskludix li l-elezzjoni tissejjaħ f’Ġunju“.
