Għala VLOGs ta’ Joseph Muscat huma bżar fl-għajnejn
Blog post minn qarrej ta’ dan il-blog
Għażiż Dr. Mercieca,
Il-pożizzjoni tiegħi dwar il-vlogs minn Joseph Muscat hija ftit differenti minn dik li ħadt inti dwarhom. Għalija Joseph Muscat kompla t-teatrin maħluq mill-Gvern Laburista biex jerġa’ joħloq simpatija lejh stess, billi taparsi għamlulu raid. Is-Sibt li għadda, l-ex-Prim Ministru għamel monologu twil fejn għal darb’oħra pprova jiġbed simpatija lejh biex inessina l-korruzzjoni kbira li saret taħt imnieħru. Wara li ra kemm irnexxielu jidħaq b’nies meta żeffen fin-nofs il-mobiles ta’ uliedu, issa reġa’ lagħab l-istess karta billi qalilna li fittxewlhom fil-basket tal-iskola.
Imma l-ipokrezija ta’ Joseph Muscat ħarġet l-aktar ċara meta talab li ssir investigazzjoni u inkjesta dwar min mill-korp tal-pulizija jew mis-sigrieta tal-Maġistrat inkwerenti ħareġ l-informazzjoni li kien se jsir raid fid-dar tiegħu, li wara kollox il-leak wasal għandu!
Ara meta sirna nafu li mil-laqgħat li kellu hu mas-Servizzi Sigrieti, kollox kien qed jasal għand il-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizja, hemmhekk ma qal xejn. Dakinhar ma talabx investigazzjoni u lanqas mar jiftaħ inkjesta oħra kif kellu kull dritt li jagħmel. Dakinhar iltaqa’ fil-moħbi ma’ Keith Schembri fid-dar tiegħu f’Burmarrad u ftit siegħat wara l-mobile ta’ Schembri intilef għal dejjem.
Fuq waħda li qal fil-video naqbel miegħu, meta tkellem dwar Efimova. Hu ta’ għajb li Maġistrat jordna l-arrest ta’ persuna u din tisfida lil kulħadd billi tibqa’ tikteb fuq Facebook qiesha mhix hi. Mela għalfejn dħalna fl-Unjoni Ewropea jekk l-arrest warrant tal-Europol ma jfisser xejn? Jekk Robert Abela jrid veru li naraw ġustizzja, Efimova għandha tinġib Malta mill-aktar fis. Jekk hemm bżonn jinħarġilha stat ta’ Whistleblower bil-kondizzjoni li jekk tinqabad tigdeb, kif diġa’ qabadha l-Maġistrat Bugeja, allura titressaq mill-aktar fis.
Fuq din biss naqbel ma’ Muscat, il-bqija kollu bżar fl-għajnejn biex ikompli jitmejjel u jinqeda bil-Laburisti.