Anki jekk ħafna mill-abbozzi tajbin, il-Partit Nazzjonalista żbalja kif mexxa d-diskussjoni fil-Parlament
Minn osservatur politiku
Dr Bernard Grech qal li d-deputati tal-Partit Laburista huma immaturi u għalhekk ivvutaw kontra l-abbozz ta’ liġijiet li resqet l-Oppożizzjoni. Kompla jgħid li l-membri tal-Gvern ser jivvutaw kontra l-abbozzi għax huma mressqin mill-Oppożizzjoni. Dr Grech kompla jgħid li Malta għandha bżonn politiċi li jħarsu ‘l hemm mill-partiġġjaniżmu.
Imma b’onesta kbira nistaqsi, xi stenna li jagħmlu il-membri tal-Parlament Laburisti fuq abbozzi diversi bħal dawn? Kien qed jippretendi li dawn jgħadduhom mit-tieni qari fi tliet siegħat? Pretenda li jivvutaw favur dawn l-abbozzi mingħajr ebda diskussjoni profonda fuq kull abbozz li resqu?
Kieku l-liġijiet jgħaddu hekk, kieku ma hemmx għalfejn dawk is-seduti kollha li jsiru fil-Parlament. Kieku ma jkunx hemm għalfejn jiltaqgħu għal ħafna aktar minn seduta waħda biex janalizzaw abbozz li jkun tressaq fil-Parlament. Kieku ma jkunx hemm għalfejn li ħafna kelliema jgħidu tagħhom fuq kull abbozz u saħansitra kultant anke fuq klawsola jew emenda waħda.
Għalkemm jista’ jkun li xi abbozzi mressqa jagħmlu sens u tajjeb li jiġu kkonsidrati bis-serjeta, naħseb li l-Partit Nazzjonalista ħa falza stikka għal mod kif ressaqhom u għal mod kif xtaq li jgħaddi dawn l-abbozzi. Kull liġi li titressaq għandha tieħu ż-żmien tagħha biex tiġi diskussa fl-elementi kollha li tista’ tikkawża.
Ta’ min ifakkar li anke meta liġi tkun aċċettata miż-żewġ naħat tal-kamra, jkun hemm diskussjoni fuqha u xorta jkun hemm diversi kelliema li jitkellmu dwarha. Ir-raġuni hija sempliċi għax mitt bniedem mitt fehma u dejjem ser jinstab xi ħaġa kif tista’ tirfina l-istess liġi. Qattusa għaġġieliha frieħ għomja tagħmel u din id-darba l-Partit Nazzjonalista għaġġel wisq biex jimplimenta dawn il-liġijiet. Għalkemm, kif diġa intqal, biċċiet mill-abbozzi jagħmlu sens, il-mod kif tressqu ma jagħmilx.
Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li hemm abbozzi li għandhom jiġu konsidrati imma anke li tressqu diversi abbozzi f’liġi waħda wkoll kien żball. Hawnhekk naqbel mal-metafora li għamel użu minnha Dr Zammit Lewis meta qal li ma tistax tixtri tużżana tuffieħ meta tnejn biss minnhom ikunu tajbin għall-ikel.
Kieku l-Partit Nazzjonalista ressaq abbozz għal kull liġi li ried jgħaddi kien jagħmel ħafna aktar sens. Dan qed ngħidu għaliex kien ikun żball għall-Gvern li ma jaċċettax ftit minnhom u jipprova jiftiehem fuqhom biex jidħlu fil-liġijiet tagħna. Il-Partit Nazzjonalista prova jakkwista ftit ponti politiċi b’din il-mossa imma fl-istess ħin ta’ raġuni valida biżżejjed lill-Partit fil-Gvern biex jiżloq minnhom peress li ġew imressqa kollha f’daqqa.