Għaliex qed nikteb fuq il-każ ta’ Abner Aquilina; biex tieqaf din l-iskiżofrenija tal-Woke society ġewwa pajjiżna

Numru ta’ persuni li jsegwu l-artikli tiegħi, staqsuni għaliex qed nikteb dwar il-każ ta’ Abner Aquilina. Anzi qed jirrepetu l-mantra, biex inħallu lill-pulizija tagħmel xogħolha.

Naħseb li kull min jikkummenta dwar dan il-każ ma għandux interess li jwaqqaf jew itellef lill-pulizija milli tagħmel xogħolha. Biss hemm interess li tkun stabbilita’ il-verita’ kollha. It-tieni u l-aktar importanti, wieħed irid jfittex fejn is-soċjeta’ tagħna trid tmur b’dan il-każ.

Ma hemmx dubju li hemm parti mis-soċjeta’, dik imsejħa the Woke Society, li qed tuża dan il-każ għall-finijiet ta’ rasha. Il-kelma Woke ġej mill-Ingliż u hija l-past tense tal-verb wake – tqum. Woke tfisser qam u dan kien b’referenza għal dawk li qed imexxu ċerti agendi li qed ikunu deskritti bħala progressisti imma ma huma xejn agħar distruttivi tas-soċjeta’ tagħna. U dan qed naraw mal-każ ta’ Abner Aquilina.

Rajnieh għaliex ċerti moviment qed jużawh biex imexxu agenda femminista. Ma hemm xejn ħażin bil-femminizmu storiku sakemm ma nispiċċawx fl-estremiżmu. Illum qassis spiċċa l-qorti minħabba li kkummenta fuq dan il-każ. Fil-każ tiegħu, intużaw kontrih liġijiet marbuta mal-hate speech li ma huma xejn agħajr liġijiet li jagħmlu parti minn din il-woke society li kkreana.

Min-naħa tiegħi għandi raġuni oħra għala qed nikteb. Għaliex il-qtil ta’ Paulina Dembska tefgħet lis-soċjeta’ f’baħar ta’ konfużjoni. Mela fuq naħa għandha lil dawk li huma marbuta mal-woke society li jridu aktar pieni ħorox fuq min joqtol lin-nisa. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess nies jitkellmu fuq il-ħabs bħala post ta’ riforma. Dawn iż-żewġ pożizzjonijiet ma humiex komplimentari imma huma opposti u naħseb li l-każ ta’ Abner Aquilina jikxef dawn il-kontradizzjonijiet kollha. Għaliex qed ngħid hekk?

Matul is-semestru li għadda, kelli l-okkazzjoni li tagħti kors dwar karattri differenti li għamlu l-istorja ta’ pajjiżna matul iż-żminijiet. Dan kien kors ibbażat fuq studji li jien ippubblikajt fuq personaġġi differenti tal-istorja tagħna. Kien kors li attendew għalih studenti li huma maturi u ħadt pjaċir verament ngħallmu. Biss bħal ma jiġri meta tgħallem, ikollok is-sorpriżi wkoll. U s-sorpriża ġiet mix-xogħol li għamlu dawn l-istudenti. Bħala assignment, tajthom jagħżlu huma karattru li jixtiequ jistudjawh. Kien hemm numru ta’ studenti li għażlu li jistudjaw lil Manuel Dimech. Kien l-uniku karattru storiku li ġie studjat minn aktar minn student wieħed ta’ dan il-kors.

U jien u nikkoreġi l-assignments, ma stajtx ma niftakarx f’Abner Aquilina. Jekk kien hemm karattru storiku li wieħed jista’ jqabblu ma’ Abner Aquilina, dan hu Manuel Dimech. Il-background ta’ Manuel Dimech u Abner Aquilina hu ftit differenti f’sens li ma naħsibx li Abner Aquilina sofra l-faqar li sofra Dimech. Biss x’għamlu dawn kważi l-istess. 

It-tnejn huma persuni ta’ intelliġenza kbira. Bħal Abner, Manuel Dimech ġie akkużat li qatel persuna. Il-persuna kien jisimha l-istess. Kontra Abner, meta għamel dan id-delitt, Manuel Dimech ma kienx waħdu. Kien ma’ persuna oħra. Fi każ ta’ Dimech, il-persuna li nqatlet kienet raġel. Fil-każ ta’ Abner inqatlet mara. Waqt li Abner Aquilina ma kellu l-ebda relazzjoni ma’ Paulina Dembska, Dimech u sieħbu, Joseph Azzopardi, kienu jafu lir-raġel li qatlu. Kien ħabib tagħhom, ċertu Paul Genuis. Ġara li meta Dimech għamel dan id-delitt kien taħt l-eta’. Jidher li l-veru assassin kien hu u mhux sieħbu. Biss il-qorti ta’ dak iż-żmien sabithom ħatjin. Il-piena massima għal delitt f’dik il-ħabta kienet it-tgħalliq. Meta għamel il-qtil, Dimech kien taħt l-eta’. Sieħbu, Joseph Azzopardi, kien akbar minnu imma anki jekk ma kienx il-perċimess li qatlu, xorta nstab ħati u mar għat-tgħalliq. Kienet l-aħħar esekuzzjoni fil-pubbliku ta’ persuna ġġustizzjata f’pajjiżna.

Fil-ħabs, Dimech ġab ruħu tajjeb. Sab qassis Kattoliku, Peter Paul Borg, li għenu ħafna u beda anki jgħinu fit-tagħlim. Ġara li ġiet imnaqqas il-piena u ħareġ mill-ħabs. X’ġara wara? Dimech reġa’ waqa’. Din id-darba nqabad jagħmel il-flus foloz u mar mill-ġdid il-ħabs. Fil-ħabs reġa’ sab ruħ tajba, qassis protestant, Reverend Wisely, li kompla jgħallmu.

Meta ħareġ mill-ħabs, beda jxerred it-tagħlim li xorob biex jgħallem lin-nies. Anki jekk kien irriforma ruħu, dawn l-esprejenzi passati baqgħu jiġru warajh u kienu parti mill-inkwiet u għala s-soċjeta’ ta‘ żmienu mhux biss ma ħaditux bis-serjeta imma kienet anki tieqsu ta’ periklu tant li sas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, dawn kienu ż-żewġ punti li jissemgħu dwaru u l-aktar wieħed li baqa’ magħrufa għalih, ma kienx l-involviment tiegħu f’delitt, imma li kien għamel flus foloz.

Kienu biss żewġ storiċi li bidlu r-rotta, jiġifieri Henry Frendo u Geraldu Azzopardi, bi Frendo li jagħmel l-ikbar impatt fuq din il-grajja.

Imma għaliex dħalt f’dan id-dettal? Qed insemmih għaliex is-soċjeta’ tagħna trid tara xi trid. Trid taħdem biex tirriforma jew biex tikkastiga. Li jkollok it-tnejn ma tistax. U agħar li l-istess nies li jgħidu li jridu r-riformi fl-istess waqt iridu jagħmlu liġijiet aktar qawwija li jikkastigaw dak li huma jidhrilhom ħażin biex jirriformaw is-soċjeta’. Dawn mhux riformi jġibu imma skiżofrenija.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *