Il-pulizija jew il-maġistrata trid tispjega kif Jason Azzopardi sar jaf bir-raid fuq ir-residenza ta’ Joseph Muscat

Minn osservatur politiku

Jason Azzopardi qed ikun ta’ pedina tajba għall-Partit Laburista. Fl-għaġla tiegħu biex jidher ta’ cowboy reġa’ ħareġ fuq l-attakk u spiċċa ta’ nifs twil lil Joseph Muscat. Skond l-istess Muscat kien Jason Azzopardi li ta’ preavviż lill-istess Muscat biex ikun jaf u jipprepara ruħu għal meta jiġu l-pulizija.

L-element ta’ sorpriża li hija bżonnjuża f’ċirkostanzi bħal dawn spiċċa ntilef għal kollox grazzi għall-post li tella’ Jason Azzopardi fuq Facebook. Inutli Jason joqgħod jgħid li seta’ sar jaf minn x’imkien ieħor fuq il-mawra tal-pulizija għax kien hu stess li kixef idejh u peċlaq fuq il-Facebook. Kieku ma perriġġx l-informazzjoni li kellu, seta’ kien hemm il-possibilita’ tal-element tas-sorpriża imma b’dak li kiteb wassal il-messaġġ lil Joseph Muscat li wara t-tfittxija ħareġ jgħid, b’wiċċu minn quddiem, li ma kienetx sorpriża totali għax kien avżat minn Azzopardi.

Fuq kollox, kif Azzopardi kien jaf b’dan ir-raid? Mela l-pulizija jew l-maġistrata tmur tavżah x’ser jagħmel?

Possibbli dan l-avukat ma jafx joqgħod ftit kawt? Possibbli ma għandux ftit paċenzja u ma jobżoqx fl-ajru għax jista’ jiġi fuqu? Jason Azzopardi u x-xeneġġjati tiegħu, kull ma qed jagħmlu, huwa li jirredikolaw lilu u miegħu lill-Partit Nazzjonalista. Inutli joqgħod ipaċpaċ biex jiffanfra li hu jkun jaf ċertu informazzjoni iżjed minn ħaddieħor għax xorta jispiċċa jgħaffiġa.

Ma jistax ikun li dan l-avukat jitħalla iżjed mill-partit tiegħu stess jagħmel iżjed ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Hemm bżonn li xi ħadd jgħeżżu ftit u jwaqqfu jagħmel dawn il-ħniżrijiet jekk irid ikun ta’ ftit ġid għall-Partit Nazzjonalista, suppost il-partit tiegħu.

Li kieku ma kixefx idejh u b’mod dirett informa lil Muscat x’se jiġri lilu u lill-familtu, kieku Muscat kien ikollu problema biex jgħati xi tip ta’ intervista fejn seta’ jitbissem. Kieku ma kienx jaf b’dak li seta’ jiġri matul dik il-ġimgħa kien ikun diffiċli għal Joseph Muscat biex jibqa’ kalm wara ħasda minn għand il-pulizija.

Imma Azzopardi dejjem irid juri li jaf waħda iżjed mix-xitan. Jew forsi ried jinfurma lil Muscat b’li kien ser jiġri għaliex għandu jdun mhux imħallsa miegħu?

Il-Partit Nazzjonalista jrid jirrejalizza li dan id-deputat, kif ukoll kandidat tiegħu, ma hu qed ikun ta’ ebda ġid lill-Partit. Anżi qed kull darba jiżloq fin-nixef u jkaxkar miegħu lill-partit tiegħu għad-dannu tal-Partit Nazzjonalista biss għax kieku meta jgħaffeġ Azzopardi jbati l-konsegwenzi waħdu kieku ma jkun ġara xejn, anżi ikun ħaqqu. Imma kull darba li jgħaffeġ xi waħda l-iktar li qed ibati qed ikun il-Partit Nazzjonalista.

Id-daħqa hija li issa Jason Azzopardi jrid jirkeb il-karru ta’ Adrian Delia għaliex jidher li Delia ser iġibha żewġ fil-qorti dwar l-isptarijiet. Għalhekk ma ddejjaqx jikteb li dak li qed jiġri fil-każ tal-isptarijiet hu grazzi għall-ħidma tiegħu u ta’ Repubblika! Dan kien l-istess bniedem li ħadem kemm felaħ biex iwaqqa’ lill-istess Adrian Delia meta dan kien għaddej bil-kawża tiegħu kontra dawn l-istess sptarijiet! Veru kif jgħid il-Malti: wiċċu u sormu xorta!

One thought on “Il-pulizija jew il-maġistrata trid tispjega kif Jason Azzopardi sar jaf bir-raid fuq ir-residenza ta’ Joseph Muscat

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *