Il-Gvern Laburista ser joqgħod fuq il-kawża li fetaħ Adrian Delia biex jiffranka lill-poplu Malti mitt miljun li jrid jagħti lil Steward Healthcare

Blog post minn osservatur politiku

Il-Malta Today spiċċat taqbel ma dak li ilu jgħid dan is-sit, li l-gvern ser jispiċċa jibbaża fuq dak li qed jagħmel Adrian Delia biex jieħu lura dak li hu tal-poplu – jiġifieri l-isptarijiet Maltin. Dan wara li l-Partit Laburista fil-Gvern ma setax isib soluzzjoni fil-każ tat-tliet sptarijiet li bħalissa qiegħdin f’idejn Steward. Dan il-kuntratt korrott għadu in vigore għaliex il-Gvern Malti ma sabx soluzzjoni fit-taħdidiet li kellu ma Steward.

Fil-fatt il-Malta Today qaltilna li l-Gvern ma jridx jagħti €80 miljun lil Steward biex jirrinunzjaw il-kuntratt. Din l-aħbar minnha nfiha qed tikkonkludi li anke l-Gvern jaf li dan il-kuntratt ma hu ser iwassal imkien u allura jixtieq itemmu.

Is-sabiħa qiegħda li l-Gvern qed jittama f’riżultat tajjeb fil-kawża li għaddejja l-qorti minn Dr Adrian Delia li ġġib fix-xejn dan il-kuntratt. Il-Gvern qed jittama li Dr Delia, permezz tal-kawża, jieħu lura t-tliet sptarijiet u b’hekk jispiċċa jiġi mħassar il-kuntratt korrott. Il-Gvern qed jittama li Dr Delia jerbaħ il-kawża biex imbagħad tibda’ l-ġlieda ta’ kif il-Gvern ma jħallasx il-€100 miljun lil Steward.

Mela għalkemm il-Gvern kien ħadha qatta bla ħabel kontra Dr Adrian Delia meta fetaħ il-kawża tal-isptarijiet, issa qed jistenna b’ċertu ħerqa, s-sentenza mill-qorti għal din l-istess kawża. Il-Gvern jidher li la ma jistax jasal għal konklużjoni ma’ Steward bil-kelma it-tajba, allura qed jistenna li almenu Dr Delia jieħu lura l-isptarijiet mill-qorti.

Hija ironika kif minn kawża magħmula minn ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista tista’ tispiċċa tkun ta’ għajnuna lill-istess partit fil-Gvern. U hawn bil-fors irid isir messaġġ ta’ ringrazzjament lil Dr Adrian Delia li bil-viżjoni tiegħu, għalkemm mill-oppożizzjoni, spiċċa jgħin lill-Gvern.

Hi x’inhi s-sitwazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni fuq dan il-każ, jidher li ż-żewġ partiti qed jaqblu li dan il-kuntratt irid jispiċċa u jinqered għal kollox. Pajjiżna ma ħa xejn minnu dan il-kuntratt. Il-barranin jidhru b’mod ċar li ħsiebhom biss biex jerdaw l-miljuni mingħajr ma jagħtu xejn lura lill-Maltin u l-Għawdxin.

Li rnexxielu jagħmel Dr Adrian Delia, huwa li fil-qorti rnexxielu jikxef li l-istess Steward ammettew li l-kuntratt oriġinali kien miksub b’mod frewdalenti. Minħabba din l-ammissjoni minn Steward stess, Dr Delia qed isostni li l-kuntratt ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet għandu jiġi mħassar.

https://www.maltatoday.com.mt/news/national/114545/steward_healthcare_labour_banks_on_adrian_delia_fraud_case?fbclid=IwAR0i0L4haN3pq6nHVrkRSjAFCW2vwPQKtvTiImsXaMycfDQTReDOZJB9hMI#.Ye8MM_7MK3A

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *