L-istrateġija tal-Lejber ser tkun li tkisser kull deputat Nazzjonalista sal-elezzjoni li ġejja

Il-bieraħ, il-gazzetta tal-Partit Laburista tatna storja fuq id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis. Fi ftit kliem Joe Ellis huwa direttur ta’ kumpanija li qed tforni lil dan il-gvern bil-bricks u dawn il-bricks qed jintużaw fil-bini tat-toroq ġewwa Għawdex. Din l-istorja ġiet ippubblikata fil-Kullħadd. Din l-istorja wasslitni biex nikteb dan l-artiklu u nistaqsi jekk dan hux il-każ li l-Partit Laburista ser jibqa’ jdur lill-kandidati u lid-deputati Nazzjonalisti sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Jidher li hemm ħafna skeletri fil-cupboards ta’ ċertu deputati u kandidati fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Ma hawn xejn illegali f’dan il-każ. Biss ma tistax tikkritika gvern u progetti tiegħu, u mbagħad tfornih bil-materjal għall-istess proġetti.

B’hekk qed naraw uħud li qed jaqgħu ma’ kull attakk frontali li qed jagħmel il-Partit Laburista jew il-media tiegħu fuqhom. Diġa’ rajna jdoqqu l-irtirata Herman Schiavone u David Thake. Nafu wkoll bl-attakk kontinwu li ilu għaddej, u m’hemmx dubju se jibqa’ għaddej, fuq Bernard Grech. Dawn it-tlieta ġew attakkati u barra li tnejn minnhom kellhom iċedu. Dr Grech se jibqa’ hemm jiffaċċja daqqiet u tgħajjir għal dak li wettaq fir-rigward ta’ taxxa matul iż-żmien. Anzi jkolli nżid li qed jgħattulu fuq il-ħlus li għandu jagħti lill-VAT Department.

Issa miss lid-deputat Joe Ellis. Il-Kullħadd sejħet l-artiklu tagħha bħala “Konflitti “fil-briks” ta’ Dr Ellis”. Lil Dr Ellis nafuh bħala wieħed mid-deputati Għawdxin kritiku ħafna fuq proġetti infrastrutturali li għaddejjin bħalissa f’Għawdex. Jistaqsi ħafna mistoqsijiet parlamentari u jagħmel ħafna mistoqsijiet supplemetari meta jkun qed jirrispondi mistoqsijiet il-Ministru ta’ Għawdex. Jagħmel sewwa u hekk għandu jkun.

Imma ma testenniex li skond il-Kullħadd, hu stess ikun qed jaqla’ l-flus fuq dawn l-istess proġetti tramite waħda mill-kumpaniji tiegħu. Il-kumpanija, fejn Ellis huwa direttur u shareholder, tforni kwantita’ kbira ta’ briks lill-kuntrattur li qed jaħdem u jwettaq proġetti kbar ġewwa Għawdex.

Hawn jidħol daqsxejn konflitt ta’ interess għax fil-waqt li Joe Ellis, bħala deputat jikkritika bl-aħrax dawn il-proġetti kbar, min-naħa l-oħra l-kumpanija tiegħu qed tforni lill-istess proġett. Il-kumpanija fejn Dr Ellis huwa direttur u shareholder mhix imniżżla bħala kuntrattur u lanqas sub-contractor tal-proġett u allura b’hekk, l-istess kumpanija ma tidhirx uffiċjalment parteċipi f’dan il-proġett. Biss xorta din il-kumpanija qed taqla’ l-flus minn dan l-istess proġett tramite terżi. Ħa nikkwota x’qalet f’parti mill-artiklu tagħha Il-Kullħadd:

Dan ifisser ukoll li, minħabba t-tali interessi finanzjarji u kummerċjali tal-kumpanija tiegħu, id-Deputat Ellis qed juża s-siġġu tiegħu fil-Parlament biex jistaqsi, jattakka u possibbilment jinfluwenza l-andament tal-proġett bi ksur ta’ etika sfaċċat u b’kunflitt ta’ interess lampanti.

L-artikolista qed isemmi ksur ta’ etika sfaċċat u kunflitt lampanti. Jista’ Dr Joe Ellis jikkonferma li dan huwa minnu jew jargumenta kontra tiegħu? Jidher li dan huwa konflitt ta’ interess għax Ellis irid jagħżel ma liema naħa ser ikun. Jekk dan huwa hekk nistennew x’mossa sa jagħmel. Wasalna fi stat fejn deputat ieħor ser ikollu jdoqq l-irtirata wkoll?

L-impressjoni li qed tingħata li d-deputati Nazzjonalisti l-anqas lesti li jistennew sakemm il-partit imur fil-gvern imma ġa qed jagħmlu lira sew taħt dan il-Gvern! Għall-inqas, Mintoff kien iżomm kuntratturi qrib tiegħu milli jinxtraw mill-gvern Nazzjonalista tas-sittinijiet. Kien jgħidilhom biex ma jieħdux kuntratti li kien joffrilhom il-gvern kemm direttament jew tramite terzi għax iż-żmien tagħhom jasal ukoll.

Infakkar ukoll li Joe Ellis huwa wieħed mill-avukat qrib ta’ Repubblika u jmexxi l-agenda tagħha. X’ser tagħmel Repubblika quddiem din l-istorja?

Naħseb Dr Bernard Grech jaqbillu jsejjaħ lill-kandidati kollha li għandu għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u jistaqsi lil kull wieħed jekk għandhomx xi skeletru fil-cupboard tagħhom li fuqu jistgħu jiġu attakkati għax mid-dehra l-Laburisti se jieħdu pjaċir iduruhom kollha wieħed wieħed. Ikun jaqbel li jekk hemm oħrajn, dawn jippruvaw joħorġu mix-xena qabel jiġu attakkati u skurati huma u l-Partit Nazzjonalista magħhom.

2 thoughts on “L-istrateġija tal-Lejber ser tkun li tkisser kull deputat Nazzjonalista sal-elezzjoni li ġejja

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *