Where your opinion counts

Id-double standards tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo

Il-gazzetti tal-partit Laburista u The Times rrappurtaw li Ivan Bartolo ppretenda li jieħu huwa s-siġġu vakat minn David Thake. Din l-asserzjoni ma ġietx miċħuda minn Ivan Bartolo. Infakkar li Ivan Bartolo kien ġa fil-parlament imma kien ċeda postu lil Dr Bernard Grech. Illum Bartolo qed iħossu ddispjaċut li s-siġġu parlamentari li rreżenja minnu David Thake ma ġiex irritornat lilu.

Mistoqsija li tiġi f’rasi mill-ewwel: fejn kien hu meta fi żmien Dr Adrian Delia, kien hemm xewqa imressqa għad-diskussjoni fl-Esekuttiv biex il-post ta’ David Stellini jmur lura lil Jean Pierre Debono li kien ċeda postu lill-istess Dr Delia? Forsi nistgħu nistaqsuh ukoll lil Ivan Bartolo. Ħa nirrispondiha jien din il-mistoqsija. Dak in-nhar hu kien spalla ma’ spalla ma’ sħabu li resqu l-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia u allura ma riedux lil Jean Pierre Debono jidħol lura fil-Parlament għaliex kien viċin ħafna ta’ Dr Delia.

Dak iż-żmien, Ivan Bartolo kien ta’ palata lid-deputati u kandidati Għawdxin li kienu ħarġu bi ħġarhom jgħidu li s-siġġu ta’ Stellini kellu jmur għal xi ħadd mill-istess distrett u mhux jieħdu Malti? Ivan Bartolo kien ta’ palata biex isaħħan l-irjus ħalli tinfetaħ kawża kostituzzjonali għax kienu se jivvutaw għal Debono.

Ivan Bartolo jekk irid jgħid li hu ddispjaċut missu jipponta subajh fuq il-ferita u jgħid mingħjar tlaqliq li d-deċiżjoni ħadha waħdu Dr Bernard Grech li kif aċċetta r-riżenja ta’ David Thake, ħareġ stqarrija fejn qal ukoll li se jgħid lill-esekuttiv jaċċetta n-nomina ta’ Graziella Galea. Mela jekk għandu jkun dispjaċut minn xi ħadd għandu juri d-dispjaċir tiegħu lill-kap tiegħu stess.

Dak il-mod kif ġie rringrazzjat Ivan Bartolo billi meta ġie il-waqt ġie minsi mit-tmexxija tal-partit għaliex lanqas biss ġie kkonsidrat. Din id-deċiżjoni tista’ tirrifletti ħafna affarijiet. Forsi min ħa d-deċiżżjoni ftakar li Ivan Bartolo kien diġa’ membru tal-parlament u forsi ma mpressjonax fiż-żmien li hu għamel membru. Jista’ jkun ukoll li min iddeċieda jaf li fil-pożizzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista ma tantx qata’ blat u allura lanqas ma impressjona fid-dedikazzjoni tiegħu lejn l-impenn li ġie mogħti lilu.

Fuq kollox, meta ġiet diskussa l-co-option fl-esekuttiv, x’għamel Ivan Bartolo waqt din il-laqgħa? Qajjem xi punti għad-diskussjoni? Jew kull ma għamel fuq din l-istorja kien li vvota biex jaċċetta lil Galea u ma saret ebda diskussjoni fuq deċiżjoni imponuta minn fuq?

Li kieku l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista qed isiru kif suppost, deċiżjoni bħal din kienet titla’ quddiem l-esekuttiv u ssir diskussjoni miftuħa mhux tiġi ppreżentata bħala deċiżjoni diġa’ meħuda. Ivan Bartolo qal lit-Times:

I did not want to create unnecessary rifts, especially at a time when the PN is fully united on far more important challenges facing this country.

Ara kemm jaf jirraġuna meta jrid Ivan Bartolo?! Mela dan qal li ma riedx iqajjem inkwiet jew ġlied fil-Partit Nazzjonalista. Tajjeb li wieħed jistaqsih: jaħseb li meta ġabar il-firem, hu u sħabu, u resqu vot ta’ sfiduċja fil-kap tagħhom kienu ħolqu ħafna inkwiet fil-partit u ġabu diviżżjoni enormi?

Ma jidhirlux li jekk jaħseb li ma għamel xejn ħażin dak iż-żmien, ikun jidher daqsxejn ipokrita fil-mod ta’ kif ikun qed jirraġuna llum?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *