Veru “mara daħqet b’xitan”

Li llum tgħid li mara daħqet b’xitan tista’ titqies bħala espressjoni ta’ mibgħeda jew misoġena. Imma fil-politika lokali, din qed tirriduċi ruħha f’verita’.  Qed ngħid dan għaliex is-suċċess ta’ Roberta Metsola jfakkrek fix-xewqa ta’ politiku ieħor Malti li dejjem xtaq li jieħu post għoli fl-Unjoni Ewropea. Kellna politiku ieħor Malti li kien għamel is-sigriet tiegħu magħruf ma’ kulħadd u wera li xtaq jkompli l-ħajja politika tiegħu f’livell għoli ġewwa Brussel.

Joseph Muscat kien wera x-xewqa tiegħu li jerġa’ lura fi Brussel minn fejn beda l-ħajja politika tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew. Imma mhux x’tixtieq imma x’tagħmel biex tasal għalih. Muscat kien ħadem ħafna biex jerbaħ l-elezzjoni ġenerali Maltija fl-2013 u kien wettaq miraklu kbir li mexxa lill-Partit Laburista għas-suċċess enormi li akkwista f’dik l-elezzjoni.

Imma allegazzjonijiet diversi li bdew jitfaċċaw meta ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh tappnu ħafna mis-suċċessi tiegħu. Kellu quddiemu passi politiċi kbar. Imma s-suċċessi jiġu jekk taħdem għalihom b’ċertu għaqal u ma tħallix lilek innifsek tinġarr minn sfumaturi li ma jħallukx twettaq dejjem dak li hu mistenni minnek u dak li hu ta’ ġid għall-Partit tiegħek u għal pajjiżek.

Sfortunatament għal Joseph Muscat ħadem ħażin ħafna l-proverbju Malti, ma min rajtek xebbaħtek. Għamel għażla tan-nies ħżiena. Anki jekk illum ninsab żgur li jagħraf aħjar minn kienu l-vera ħbieb tiegħu u min ma kienux. Kienu ċertu deċiżjonijiet li huwa ħa li xellfu l-istatura politika tiegħu. Tant hu hekk li spiċċa fuq nota tant ħażina għax kellu jirreżenja minn postu fost allegazzjonijiet pjuttost koroh.

Għal kuntrarju Roberta Metsola ħadmet il-viżjoni politika tagħha b’mod bil-għaqal ħafna. Hija telgħet is-sellum mingħajr ma kixfet idejha u l-ambizzjonijiet tagħha. Tirringrazzja l’Alla li żammet lura mill-politika lokali li hija verament ‘toxic’.

Hija terrqet it-triq politika Ewropea b’ħafna konċentrazzjoni u determinazzjoni l-bogħod mill-ambizzjonijiet lokali. Hija fasslet il-passi tagħha fuq pjan meqjuż, mingħajr għaġla partikulari imma b’passi deċiżivi u determinanti. Roberta dejjem ħadmet it-triq tagħha b’ dedikazzjoni u daħlet għal sfidi fil-livell Ewropew li kienet tħaddan b’determinazzjoni li tagħmel l-aħjar għaliha u għall-istituzzjoni li kienet tippreżenta.

Fost kollox Roberta ħadmet ix-xogħol kollu tagħha f’kumpanija sana u mingħajr dellijiet. U kien għalhekk li meta wasal il-waqt ippreżentat ruħha għall-pożizzjoni ta’ Viċi-President tal-Parlament Ewropew li fetħilha t-triq beraħ li spiċċat rebħet il-pożizzjoni ta’ President tal-istess Parlament bil-ħila tagħha, bil-kapaċita li dejjem uriet u bid-determinazzjoni tagħha u wettqgħet b’mod professjonali dak li daħlet għalih.

Meta tqabbel iż-żewġ protagonisti f’dan l-artiklu, tagħraf kemm hu mportanti li tħaddan l-għaqal fil-viżjoni politika tiegħek. Ma tistax tħalli kollaburaturi tiegħek jiddettawlek ir-ritmu li taħdem bih u ma tistax tħalli ebda oskurita’ tidħol fil-passi politiċi tiegħek. Anki jekk wieħed irid ikun ġust ma’ Muscat, hu kien jipprova jisma’ liż-żewġ naħat imma ma kienx biżżejjed għaqli għaliex finalment kien hemm minn lagħbu. B’hekk l-ambizzjonijiet iridu jkunu kostanti u marbutin ma’ passi politiċi maħdumin bil-ħsieb li jwasslu għas-suċċess u mhux jiftħu bibien beraħ għall-ispekulazzjonijiet. U dan jiddependi kollu min-nies li politiku jagħraf iddawwar ma’ dwaru.

One thought on “Veru “mara daħqet b’xitan”

  1. Joseph Muscat ,Malta u il Maltin gew ittraduti min Metsola ,Casa and company,Guditta qatet ras Ulifero.Delajla ittradet lil Sansun u Metsola ittradit lil Malta biex tilhaq.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *