Għaliex ma naqbilx fuq il-U-turn ta’ Bernard Grech fuq il-Vaċċin.

Blog post minn osservatur politiku

Fit-8 ta’ Jannar Bernard Grech qalilna li hu qed jagħmilha ċara li l-Partit Nazzjonalista se jimxi fuq l-istruzzjonijiet uffiċjali maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa għax huma għandhom id-dettalji kollha neċessarji f’idejhom u jistgħu jagħtu l-aħjar direzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ iżomm mad-deċiżżjonijiet uffiċjali maħruġa minn żmien għal żmien mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fis-16 ta’ Jannar, Bernard Grech bidel id-diska u għamel u-turn oħra fenominali. Nhar il-ħadd huwa għamel l-iktar dikjarazzjoni b’saħħitha s’issa kontra r-regoli tal-vaċċin li kellhom jidħlu f’pajjiżna l-għada 17 ta’ Jannar. Saħansitra wasal biex iddiskrivihom bħala inkwiżizzjoni kontra d-drittijiet umani. Huwa qal li b’dawk ir-regolamenti ġodda eluf ta’ nies ma kienux ser ikunu jmorru għax-xogħol, jidħlu f’restaurant jew jattendu attivitajiet soċjali li jgħinu s-saħħa mentali tagħhom.

Fuq it-television tal-partit tiegħu huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem ma’ dawn in-nies li ser ikunu milquta ħażin mir-regolamenti. Huwa qal li dawn għandhom id-drittijiet tagħhom ukoll. Biss kompla jgħid li qed jagħmel hekk, mingħajr ma jintbagħat messaġġ li l-vaċċin mhux effettiv.

Meta tara u-turns bħal dawn bil-fors ikollok tistaqsi, x’hemm wara din id-deċiżżjoni li biddlet il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista minn waħda kawta għal oħra li tirrikonoxxi d-dritt li ma tieħux il-vaċċin? Jidher li l-Partit Nazzjonalista qed jilgħab għall-platea u qed jagħmel sforz biex jipprova jakkwista ftit tal-voti. Qed jinduna li din il-minorita’ ta’ nies li huma kontra l-vaċċin, jistgħu ikunu dawk in-nies li jaqilbu l-vot tagħhom lejn min jappoġġjahom fuq din l-istorja tal-vaċċin.

Kulħadd jaf li l-vaċċin f’pajjiżna qed jittieħed mill-maġġoranza assoluta tal-poplu u ħafna jaqblu mar-regolamenti l-ġodda li jgħidu li biex tidħol restaurant jew gym trid turi ċ-ċertifikat li inti mlaqqam. Imma l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jilgħab logħba politika anke minn min jieħu l-vaċċin jew le.

X’ried jgħid biha Bernard Grech din il-U-turn? Bil-fors li qed jaħseb li jista’ jattira voti minn għand dawn in-nies li ma jridux jitlaqqmu imma x’qed jgħid lil dawk li ma jsibu ebda diffikulta li jieħdu l-vaċċin u anke l-booster? Bernard Grech irid jiddeċiedi, jew ma’ Alla jew max-xitan. It-triq tan-nofs ma tagħmel ġid lil ħadd għax ma treġġix. Imma mid-dehra l-Partit Nazzjonalista qed jaqta’ qalbu li jakkwista jew iżid il-voti tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin u qed jipponta jintogħoġob mal-minoranzi. Imma jekk verament qed jagħmel hekk, jista’ l-Partit Nazzjonalista jgħidilna kif se jilqa’ minn xi attakk tal-maġġoranza li qed jirraġunaw li dawk li ma ħadux il-vaċċin huma ta’ detriment għalihom u għall-għeżież kollha tagħhom?

One thought on “Għaliex ma naqbilx fuq il-U-turn ta’ Bernard Grech fuq il-Vaċċin.

Leave a Reply

Your email address will not be published.