Il-Preżenza ta’ Bernard Grech fi Strasburgu llum
Dr. Bernard Grech jinsab fi Strasburgu. Mar minħabba l-fatt li Roberta Metsola kellha ċans titla president tal-Parlament Ewropew kif fil-fatt ġara. Żgur li ma marx biex jagħtiha palata. L-anqas mar biex jagħmel lobbying għal Roberta Metsola għaliex il-voti li ġabet juri li ma kellhiex bżonn ta’ l-ebda lobbying mill-kap tal-Oppożizzjoni. Mar biex ikun Strasbourg meta Roberta Metsola terbaħ l-elezzjoni tagħha bħala President tal-Parlament Ewropej kif fil-fatt ġara. B’daqshekk tgħiduli x’hemm ħażin li jkun Strasbourg waqt dan il-mument storiku?
Imma nixtieq nagħmel din il-mistoqsija lil Bernard Grech. Jista’ jgħidilna Dr. Bernard Grech jekk kienx uffiċjalment mistieden biex ikun Strasburgu? Jew tela’ minn jheddu u mpona lilu nnifsu fuq il-Parlament Ewropew biex isibulu post għal waqt is-sessjoni ta’ dalgħodu?
Kemm in-nemesis tal-istorja jaf jibdel l-affarijiet fil-politika. Infakkar li Metsola kienet issemmiet fit-tellieqa għall-kap tal-partit Nazzjonalista. Imn’alla dak in-nhar ma ġarax hekk għax kieku llum mhux il-president tal-parlament Ewropew!
Infakkar li Roberta Metsola kienet offriet is-servizzi tagħha biex tieħu dik il-pożizzjoni basta jkun hekk bqil. Kienet lesta li titlaq minn Brussel u tiġi Malta biex tieħu ir-rigni tal-Partit Nazzjonalista f’idejha. Iżda dak iż-żmien kien hemm min weġgħetu żaqqu u ma riedhiex hawn Malta. Fil-fatt niftakru f’dik il-laqgħa fis-satra tal-lejl meta Louis Galea laqqa’ lil Roberta Metsola, Therese Comodini Cachia u Bernard Grech u b’għażla ta’ Galea u sħabu kienet dik ta’ Bernard Grech. Illum hawn ħafna jgħidu kemm kienet għażla ħażina imma għall-magħmul m’hemmx kunsill.
Wara dik il-laqgħa, li skond l-informazzjoni li kienet ħarġet dak iż-żmien Roberta Metsola kienet abbandunatha qabel il-waqt, isimha ma reġgħax issemma biex tidħol għall-piż tal-Partit Nazzjonalista. Kien ġie magħżul Bernard Grech li llum mar Strasburgu biex għall-inqas jirrikonċilja ruħu ma’ dan l-avveniment storiku.
Illum naraw facebook u nsibuh mimli b’messaġġi ta’ sostenn jew ta’ tifħir għal dak li rnexxielha tagħmel fil-ħajja politika Roberta Metsola. Ħafna ferħulha għal dak li rnexxielha tottjeni. Imma ħafna minn dawn l-istess nies iridu jiftakru li lil din il-persuna kienu warrbuha u tawha l-ġenb. Illum ħafna ser jirkbu l-karru tagħha. Dan huwa faċċoliżmu jew opportuniżmu tal-għola livell. Min-naħa ta’ dan is-sit ma għandux maskri x’inneħħu. Kien hemm żmien fejn konna iebsin magħha u jekk inkun hemm punti li mhux ser naqblu ma’ Roberta Metsola ibqa’ żgur li ser ngħiduhom. Ma għandhiex maskri la x’ilbsu u l-anqas x’inneħħu.
Wisq probabbli ser ikun hemm ħafna li ser jaraw f’Roberta Metsola l-persuna li kapaċi, fi ftit tax-xhur oħra tagħti nifs ġdid għall-Partit Nazzjonalista. J’alla dan ikun il-każ. In-nemesis tal-istorja tkun uriet li anki f’dan il-punt, ir-ribelli ħadu żball. Imma onestament naħseb li wara dan il-vot qawwi favur tagħha, jkun diffiċli li tiġi f’Malta wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Imma ma nistax ma nikkummentax billi ngħid li dawk l-istess deputati li ma kienux magħha, hawn qed nirreferi għall-blue heroes, illum qed ifittxu fl-arkivji biex isibu ritratti mar-reġina Ewropea tal-mument biex jirkbu u jsibu posthom fuq il-pedestal tagħha. Huma qed jiftaħru b’Roberta Metsola. Imma dik hija l-politika.
Min-naħa ta’ dan is-sit, kif għamilt fi blog ieħor, awgurajnilek. Illum nifirħu miegħek għas-suċċess meraviljuż tiegħek. J’alla twettaq dmirek bl-għola livell possibbli għall-isem tiegħek personali, għall-Partit Nazzjonalista li inti tirrapreżenta u għall-pajjiżek.