Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-Air Malta

Il-Ministru tal-Finanzi qalilna li l-Air Malta se tkun qed tnaqqas nofs il-ħaddiema tagħha bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar. L-iskop prinċipali huwa li jitnaqqsu ħafna mill-ispejjeż tal-kumpanija. Is-sitwazzjoni fl-Air Malta ma hi sabiħa xejn meta tifhem li kull ġurnata li tgħaddi din il-kumpanija qed titlef €170,000.

Il-Ministru Caruana tkellem fuq pjan li diġa’ huwa approvat mill-Kabinett tal-Prim Ministru Abela. Mela biex inkunu aktar ċari, minn 890 ħaddiem, li għandha bħalissa, l-pjan hu li jibqgħu jaħdmu mal-Air Malta 420 impjegat. L-oħrajn ser ikunu offruti xogħol ieħor fis-settur pubbliku.

Ġa din hija doċċa kiesaħ li turi li l-Gvern kien qed iqarraq bil-poplu meta qal li solva l-problema tal-Air Malta. Il-verita’ tiela’ f’wiċċ l-ilma.

Il-Ministru Caruana stqarr li hu tassew inġust u sfortunat li minħabba ħafna żbalji li twettqu fil-passat ser jispiċċa jħallas għalihom il-ħaddiem. Għalhekk il-Ministru qal li ser issir offerta li qed tissejjaħ ‘skema ta’ trasferiment volontarju’ għall-impjegati amminstrattivi u tal-cabin crew.

U tant saret xi ħaġa urġenti li dawn it-trasferimenti ser isiru sa Marzu li ġej. L-impjegati tal-ground handling ukoll ser ikunu offruti din l-iskema.

Il-Kamra tal-Kummnerċ laqgħet il-pjan sensibbli li qed jieħu l-Gvern li wera trasparenza assoluta meta spjega l-problemi ffaċċjati mil-linja tal-ajru. Meta il-Kamra qabblet id-deċiżjonijiet meħuda llum ma’ dawk li ttieħdu fi żminijiet qabel, hija qalet li hemm bidla totali għall-aħjar. Fil-fatt faħħret ukoll ir-risposta tal-Unions involuti. Il-Kamra tal-Kummerċ uriet ix-xewqa li l-ħaddiema li se jispiċċaw minn mal-Air Malta għandhom jidħlu jaħdmu mal-privat u mhux ikomplu jżidu il-pjaga tas-settur pubbliku.

Il-Ministru spjega wkoll li mhux qed jistenna xi għajnuna kbira minn għand il-Kummissjoni Ewropea meta diġa’ huwa magħruf li ġie rrifjutat il-pjan ta’ Malta biex din il-kumpanija tingħata għajnuna ta’ mijiet ta’ miljuni. Skond il-Ministru dan l-attentat finali jista’ jkun l-aħħar possibilita’ li l-Air Malta tibqa’ tiffunzjona. Il-Gvern se jagħmel dan l-aħħar sforz biex jipprova jsalva lill-Air Malta biex fil-futur din il-kumpanija tibqa’ ttir biex fuq kollox tgħaqqad lil Malta mal-Ewropa.

Leave a Reply

Your email address will not be published.