Carmen Ciantar trid tieqaf tgħaddi lill-poplu Malti biż-żmien

The Times ħarġet bl-istorja li Carmen Ciantar talbet lill-Kummissarju tal-Istandards biex jinvestiġaha. Din hija l-ikbar daħqa tas-seklu.  Għaliex?

https://timesofmalta.com/articles/view/carmen-ciantar-asks-standards-commissioner-to-probe-163000-contract.927838

Carmen Ciantar taf li dan mhux possibbli. Din hija storja marbuta mal-Fundazzjoni għas-Servizzi Mediċi u din l-istorja tittratta kuntratt “irregolari” marbut ma din il-fundazzjoni. Fuq kollox, Carmen Ciantar daħlet taħdem mal-Ministru Chris Fearne bħala a person of trust. Dan ifisser li fl-ebda punt, Carmen Ciantar ma hija uffiċjal pubbliku. Żgur li x-xogħol tagħha mal-Fundazzjoni ma jagħmilhiex bħala uffiċjal pubbliku. B’hekk il-mistoqsija tiġi waħidha. Għaliex talbet lil George Hyzler biex jinvestigaha? It-tweġiba tiġi waħidha. Biex tgħaddi lill-poplu Malti biż-żmien.

George Hyzler ma jistax jinvestiga l-kuntratt tagħha bħalma ma setgħax jinvestiga lis-sindku tan-Naxxar għax hi wkoll ma hiex uffiċjal pubbliku. Jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun li jitlob il-kanċellament tal-kuntratt minħabba li l-Awditur Ġenerali qal li hu kuntratt irregolari. Ir-responsabilita’ ta’ dan il-kuntratt taqa’ kollha kemm hi fuq Chris Fearne, il-Ministru tas-Saħħa. Fearne ma tantx ħabbel rasu għax minn informazzjoni li qrajna, hu għamel arranġament mal-uffiċċju tal-Awditur, li l-kuntratt jiġi analizzat wara li jkun għadda ż-żmien tiegħu, jiġifieri ħames snin oħra.

Fuq post tagħha fuq Facebook Ciantar qalet li l-Partit Nazzjonalista allega jew ta x’jifhem li hemm xi ħaġa mhux etika fil-kuntratt tagħha bħala CEO tal-Fundazzjoni tas-Servizzi Medici. Ħasbet li għax il-Partit Nazzjonalista semma li hemm nuqqas ta’ etika fil-kuntratt tagħha, setgħet taqbad u tmur għand Dr George Hyzler biex jinvestigaha. Huwa tajjeb titlob lil xi ħadd biex jinvestigaha, meta fl-istess ħin tkun taf li dan ix-xi ħadd ma jistax jagħmel dak li qed titlob minnu. U dan kollu għamlitu għax skond hi l-Partit Nazzjonalista għamel ħafna akkużi foloz u bla bażi.

Imma skond il-Partit Nazzjonalista, dan il-kuntratt fih xamma’ mhux biss ta’ nuqqas ta’ etika imma wkoll għaliex ġie mogħti lil xi ħadd li huwa kkonsidrat qrib ħafna tal-istess Viċi-Prim Ministru u iktar u iktar għax lanqas il-Segretarju Permanenti tal-Finanzi ma ffirma għalih.

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna lill-partit fil-Gvern għall-isparpaljar ta’ flus il-poplu qisu xi ħaġa li ma tinkwieta lil ħadd. Il-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa li Chris Fearne seta’ kien il-politiku imbiegħed minn atti skandalużi bħal dawn, imma dan il-kuntratt ikkundanna wkoll lil Viċi-Prim Ministru bħala politiku ieħor li ma tantx jagħti każ kif jintefqu flus il-poplu.

Leave a Reply

Your email address will not be published.