L-iskandlu Chris Fearne

F’daqqa waħda, il-Partit Laburista jinsab f’burraxka wara li sar magħruf li ċ-Chief of Staff tal-Ministru Chris Fearne ngħata kuntratt ta’ xogħol ta’ eluf ta’ euros. Dak li huwa nkwetanti f’dan il-każ li l-Ministru Chris Fearne qed isostni li se jibqa’ għaddej bil-kuntratt lil Carmen Ciantar mal-Fundazzjoni għas-Servizzi Mediċi imma iżjed minn hekk se jżommha bħala l-kap tas-segretarjat tiegħu.

Għal Ciantar il-baqra ta’ Fearne qed taħleb darbtejn fl-istess ħin. Ma jiddejjaq xejn li ta €163,000 fis-sena li jsarrfu €700,000 fuq medda ta’ ħames snin. Iżda imbagħad Fearne lagħba tal-ħanin bil-flus tal-poplu, meta qal li x-xogħol tagħha ta’ kap tas-segretarjat fil-Ministeru tiegħu mhux ser ikun imħallas imma ser ikun parti mill-kuntratt tal-FTS.

Kienet tkun veru vili Dr Fearne kieku tajtha paga ukoll għat-tieni xogħol tagħha. Kulħadd xortih fid-dinja u Ciantar xxurtjatha mhux ħażin biex takkwista paga li ħadd f’pajjiżna, speċjalment minn flus il-poplu, ma jirnexxielu jieħu ħlief il-ftit magħżulin.

Dan il-kuntratt ser jibqa’ għaddej għalkemm l-uffiċċju tal-awditur qal li l-kuntratt kien ‘irregolari’. Imma għalhekk tgħinek il-fortuna, għaliex meta Fearne kien mistoqsi dwar ix-xogħol mogħti lil Ciantar, huwa qal li dan kien magħmul simili għal kuntratti oħra li saru ma’ nies li kienu laħqu Chairman tal-Fondazzjoni qabel.

Biss ta’ min ifakkar lil Fearne li meta kien hemm oħrajn fil-pożizzjoni li se tokkupa hi, dawn kienu jitħallsu n-nofs ta’ dak li qed titħallas hi.

Meta mistoqsi jekk hux se jħassar dan il-kuntratt minħabba l-irregolarita tiegħu, Fearne ma rrispondiex imma ħareġ fuq l-attakk li Ciantar qed tiġi attakkata għax hija Laburista ferventi u militanti. Barra minn hekk Fearne attakka r-rapport u sejjaħlu partiġġjan. Imma bilfors ikollok tiftakar li Ciantar hija l-akbar canvasser politiku ta’ Fearne u tmexxilu kull kampanja elettorali tiegħu. Ilha involuta ma’ Fearne għal diversi kampanji minn meta beda joħroġ għall-politika u kienet ukoll għenitu ħafna fil-kampanja tiegħu biex jieħu t-tmexxija tal-Partit Laburista f’idejh, xi ħaġa li ma rnexxielux.

Mistoqsi minn The Shift biex jippubblika t-tieni kuntratt li ta lil Ciantar bħala kap tas-segretarjat, Fearne ma tax każ ta’ din ir-rikjesta u naqas ukoll li jirrispondi jekk l-uffiċċju tal-Prim Ministru kienx ikkonferma dawn il-kuntratti, meta nafu li l-Ministru tal-Finanzi ma riedx li jkollu x’jaqsam magħhom. Xi ħaġa li tista’ tirrifletti l-arroganza hija meta Fearne qal li laħaq arrangament mal-Uffiċċju tal-Awditur biex il-kuntratt jibqa’ validu u jiġi rivedut wara li jagħlaq il-kuntratt. Jiġifieri Fearne akkwista, skond hu, il-permess minn għand l-offiċċju li jinvestiga dawn l-oxxenitajiet biex kollox jibqa’ għaddej għall-ħames snin li ġejjin, sa kemm jispiċċa l-kuntratt.

Leave a Reply