L-elezzjoni ġenerali u l-power of incumbency

Minn osservatur politiku

Id-deputat Laburista Olvin Scicluna fetaħ l-argument politiku fuq il-power of incumbency. Il-qawwa tal-poter jew ‘power of incumbency’ tista’ tilgħab logħba importanti ħafna meta qed navviċinaw lejn elezzjoni ġenerali. Dan il-poter b’mod ġeneriku jfisser li min ikun fil-poter għandu kull possibilita’ li jwettaq dak li jwiegħed jew meħtieġ filwaqt li min ikun qed jiċċalinġja għall-istess poter jista’ biss iwiegħed li jagħmlu. Meta l-Partit Nazzjonalista joħroġ bil-proposti tiegħu, ikun qed jagħmilhom għal meta jkun fil-Gvern u mhux qabel. Min qiegħed fil-poter jista’ jaġixxi mill-ewwel u jwettaq dak li jwiegħed minn issa. Min qiegħed fil-poter jista’ jvara l-proġetti u jgħid lill-elettorat biex jerġa’ jivvutalu biex ikun jista’ jkompli fil-ħidma tiegħu ħalli jkompli jwettaq dak li diġa’ beda.

Il-qawwa tal-poter hija raġuni prinċipali għaliex dawk li qiegħdin fil-poter jerġgħu jiġu eletti speċjalment meta jkun hemm tellieqa għal min jieħu l-Gvern u l-oppożizzjoni tkun dgħajfa. Kull min ikun fil-poter ikun konxju, u allura kapaċi, kif juża s-sistema ta’ kif jaġevola lill-elettorat u kapaċi juża l-istess pożizzjoni biex jattakka lill-avversarju politiku tiegħu. Min qiegħed fl-oppożizzjoni irid jitlaq minn post aktar lura fit-tellieqa u jrid jara kif jagħmel biex jinfluwenza l-pożizzjoni tiegħu għax bil-fors ikun qiegħed f’pożizzjoni li ma tantx jista’ jimpressjona. Dan irid jagħmlu bi strateġija li tħares lejn il-futur fil-bogħod u mhux dak immedjat.

Iktar ma tersaq l-elezzjoni f’pajjiżna aktar se nibdew nisimgħu din it-terminaloġija ‘power of incumbency’. Se tintuża, mingħajr ebda dubju, mill-partit fl-oppożizzjoni meta jelenka l-vantaġġi li l-partit fil-gvern għandu fuq partiti oħra fl-oppożizzjoni jew mhumiex, sempliċament għax għandu r-riedni tal-poter f’idejh.

Din il-kritika kienet użata mill-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni. Kienet frażi użata ħafna minn Alfred Sant meta kien Kap tal-Oppożizzjoni. Kienet użata imbagħad mill-Partit Nazzjonalista fl-2017 u mingħajr dubju se terġa tkun użata mill-istess partit meta toqrob iżjed l-elezzjoni ġenerali f’pajjiżna.

F’kull elezzjoni ġenerali kien hemm dejjem l-għajta għall-gwidi ta’ x’jista’ jagħmel il-Gvern fil-perjodu ta’ meta tiġi msejħa elezzjoni ġenerali sal-ġurnata propja tal-elezzjoni. Dan kien argument jaħraq f’kull elezzjoni għaliex dejjem ikun hemm konflitt ta’ interess min-naħa tal-Gvern li jirregala xi ħaġa għall-ħtif tal-voti. Din dejjem kienet miġġielda l-iżjed mill-partit fl-oppożizzjoni. Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġranet rajna lill-Partit Nazzjonalista jressaq tnax-il abbozz ta’ liġi għal diskussjoni fil-parlament u dan il-perjodu partikulari msemmi jifforma parti minn wieħed mill-abbozzi. Imma sfortunatament dawn il-linji gwida qatt ma jingħataw l-importanza neċessarja.

Il-partit fil-poter għandu kull possibilita’, u ħafna drabi jużaha, biex jakkwista vantaġġ fuq l-avversarji politiċi tiegħu. Wieħed jista’ jiddikjara li din ma teżistix biss fil-politika iżda f’ħafna aspetti differenti fil-ħajja fejn ikun hemm xi tip ta’ kompetizzjoni għal xi pożizzjoni. Imma jkollna nammettu li tiġri b’mod ħafna iktar espliċitu fil-politika fejn il-partit fil-poter jew fil-Gvern juża l-pożizzjoni ta’ poter biex jerbaħ il-voti. Dik il-pożizzjoni hija tant ta’ vantaġġ illum li qedha fuq livell li qatt ma esperjenzajna xi ħaġa bħala. Il-power of incumbency inbiddlet minn dan il-partit politiku fil-gvern f’armi professjonali ta’ kif jieħu vantaġġ politiku minnha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *