L-ammirazzjoni tiegħi lejn Olivier Scicluna

Advertisements

Blog post minn osservatur politiku

Jiena ser nżid l-ammirazzjoni tiegħi lejn Oliver Scicluna wara d-dikjarazzjoni li għamel fejn, mingħajr tidwir tal-lewża, qal li hu mhux se jiġġieled għal voti li jirrikjedu xi pjaċir. Scicluna ma jħossux komdu li jipprova jakkwista vot għax jagħti xi job lil xi ħadd. Ir-raġunament ta’ Scicluna huwa li kulħadd jieħu dak li ħaqqu jekk ikun ħaqqu. Huwa qal kif ċertu nies jitolbu xi pjaċir minn għand il-politiku u jwiegħduh li meta tasal il-ġurnata tal-elezzjoni se jaħsbu fih. Dik mhux it-tip ta’ politika li jħaddan Oliver Scicluna.

B’dak li qal Oliver Scicluna mhux se jġibilna għajnejna wara widnejna għax dawn huma affarijiet li ilna nesperjenzawhom f’dan il-pajjiż fuq iż-żewġ naħat tal-politika. Mingħajr ebda dubju din hija aktar b’saħħitha mal-Partit fil-Gvern minħabba l-power of incumbency. U għalhekk Scicluna qed jesperjenza dawn il-fatti, għax għalkemm ilu biss ftit xhur fil-politika u fil-parlament, imma xorta jinsab fuq in-naħa tal-partit fil-Gvern u forsi anki qed jinduna kif taħdem il-politika reali f’Malta, li jekk ma taqdix ma titlax.

Naħseb il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi taf, jekk ma saritx miegħu personali, li jsiru telefonati minn xi uffiċċji ta’ Ministri lill-elettorat biex jistaqsuhom jekk il-votant hux bżonn ta’ xi ħaġa jew le. Dawn it-telefonati jġibu magħhom kondizzjoni li jekk il-Ministru jaqdik inti trid tiftakar fih meta tidħol tivvota fl-elezzjoni ġenerali.

L-aktar eżempju qawwi f’dan il-każ joħodna lura għal żmien Karmenu Mifsud Bonnici meta qabel l-elezzjoni tal-1987 kien daħal eluf jaħdmu mal-Gvern. Dan l-eżempju jibqa’ karatteristika ta’ użu tal-‘power of incumbency’ minn politiku fil-Gvern.

F’dawn l-aħħar snin niftakru wkoll ix-xogħol fantażma li kien offrut lil xi ħadd għall-paga biss u allegatament bħala ringrazzjament. Fuq dan is-suġġett Scicluna għandu kumpanija tajba għax f’dawn l-aħħar ġimgħat qrajna anke fuq dan is-sit, kemm ġew offruti xogħolijiet mal-Gvern ġo Għawdex lil nies li kienu jaħdmu mal-privat.

Dawn dehru fl-aħbarijiet għax tkellmu pubblikament assoċjazzjonijiet kostitwiti, speċjalment dawk li jirrapreżentaw lil min iħaddem. Imma Scicluna forsi qed ikun ottimist iż-żejjed meta jittama li ħafna aktar deputati u kandidati jimxu fuq il-passi tiegħu.

Sfortunatament din hija għaġna fil-politika Maltija li ma tantx se titwarrab malajr. Scicluna għandu raġun jittama hekk għax persważ li hekk għandha tkun il-politika u huma fuq dawn il-passi li għandu jimxi kull politiku. Imma bejn il-paroli u l-fatti hemm baħar jikkumbatti u mhux faċli li ser isib oħrajn li jingħaqdu miegħu, lanqas bil-paroli.