Fil-Parlament Malti, David Thake spiċċa fl-istess pożizzjoni ta’ Konrad Mizzi

Minn osservatur politiku

Imma kif f’daqqa waħda tinbidel is-sitwazzjoni ta’ persuna meta jinqabad li jkun naqas mill-obligi tiegħu lejn l-iStat! Kif minn frontliner jispiċċa back bencher u jkun imċaħħad milli jesprimi l-opinjoni tiegħu jew jagħmel l-intervent li jkun neċessarju fil-parlament f’isem il-partit tiegħu. Dak li jġib miegħu meta bniedem u speċjalment deputat tal-parlament tagħna ma joqgħodx attent għal dak li jagħmel u għal dak li jiddeċiedi.

David Thake llum fil-parlament spiċċa fl-istess stat li qiegħed Konrad Mizzi. Illum Thake qiegħed backbencher u lanqas hu parti mill-grupp parlamentari allura tilef il-privileġġ li jitkellem skond id-dikasteru afdat lilu mit-tmexxija tal-partit. Id-differenza bejn u Mizzi hija li Mizzi issa spiċċa indipendenti. Thake ukoll qiegħed f’kważi f’din is-sitwazzjoni imma għadu mhux formalment indipendenti. Għidt kważi għaliex Mizzi ddikjara li sar independenti wara li tkeċċa mill-grupp parlamentari tal-Partit Laburista. Thake issospenda lilu innifsu mill-grupp parlamentari. Kontra Mizzi, għadu ma ġiex imkeċċi mill-grupp parlamentari jew irreżenja minnu kompletament.

Imma fil-Parlament, Thake ġralu bħal Mizzi. Tilef leħnu u spiċċa jattendi l-parlament mingħajr ma jista’ jagħmel intervent f’isem il-Partit Nazzjonalista. Kemm-il darba smajna lil David Thake fil-protesti, kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll f’dawk tas-soċjeta ċivili u tar-Repubblika jgħajjat u jagħmel kuraġġ lill-parteċipanti biex isejħu għar-riżenji ta’ nies li allegatament serqu flejjes. Kemm smajnieh jinkoraġixxi biex il-poplu Malti u Għawdxi jesiġi li ssir dixxiplina mill-Gvern tal-ġurnata fuq il-ħafna allegazzjonijiet li kienu u għadhom għaddejjin.

Illum David Thake spiċċa fuq wara fil-plenarja tal-parlament. Dan kollu għax ħa deċiżjonijiet li naqsu mid-doveri tiegħu lejn l-iStat. Konxju tal-konsegwenzi li setgħu jġibu magħhom dawn id-deċiżjonijiet xorta baqa’ għaddej bihom u naqas milli jaqdi dmiru għal għaxar snin sħaħ. Tajjeb li kieku kull min jonqos imur jitlob skuża u qisu qatt ma ġara xejn. Kieku ma jiżistux dnubiet u ħadd ma jeħel għal ħażin li jkun għamel u jmur il-ħabs fuq nuqqas ta’ ħlas ta’ VAT.

Tajjeb li kieku kull nuqqas jiġi maħfur għax sempliċiment tintalab skuża għall-għemil li jkun sar. L-affarijiet ma jimxux hekk u kull min jonqos irid iġorr ir-responsabilita ta’ għemilu.

Vera kif kienu jgħidu fl-imgħoddi. Min jitkaża jaqa’ fil-każa!

One comment

Leave a Reply