Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti

Minn osservatur politiku

Nittama, nispera u nitlob li Bernard Grech mhux qed ipinġi lilu nnifsu bħala xi salvatur tal-Partit Nazzjonalista. Jekk mingħalih li solva l-problemi li kien u għadu tfaċċat bihom il-Partit Nazzjonalista mela ma jafx fejn qed jgħix u fejn qed jaħdem ta’ kuljum.

Iktar agħar, meta nhar il-Ħadd qal li hu jinsab kuntent u jiftaħar għall-mod kif solva l-problemi tal-partit tiegħu. Hu joffri dawn is-soluzzjonijiet li qal li għamel fil-partit tiegħu bħala preludju għal dak li kapaċi jagħmel bħala Prim Ministru.

Jekk verament irid li jpoġġi t-tmexxija tal-partit tiegħu bħala eżempju b’saħħtu li l-votant għandu jafdah bit-tmexxija tal-pajjiż, allura dan il-kap verament qed jgħix illużżjoni.

Qalilna wkoll fil-priedka tal-Ħadd tiegħu li l-poplu ser jkollu għażla fl-elezzjoni li ġejja bejn il-Prim Ministru attwali u bejnu. Skond Dr Grech il-poplu għandu bżonn jagħżel bejn Prim Ministru li hu nieqes mill-ideat, li ma jiddeċidiex, li ma jiddjalogax u li ma jridx jgħin lin-negozji billi jestendi l-wage supplement u lilu.

Dawn huma indikazzjonijiet suġġettivi u Dr Grech fil-pożizzjoni politika tiegħu hekk ipinġi lil Dr Robert Abela. Kemm hu minnu dan kollu ser inħalli f’idejn il-qarrejja għax jekk taħsel tibda tikteb fuq dawn is-suġġetti u tagħmel ftit paraguni jkollok iċ-ċans li ma tispiċċa qatt.

Biss fl-għażla l-oħra li poġġa lill-votant Malti u Għawdxi, Dr Grech poġġa lilu nnifsu bħala l-politiku li qiegħed f’qalb il-poplu u mal-poplu u fuq kollox ma pajjiżna. Fuq din il-biċċa biss wieħed irid jiftakar kemm Dr Grech qiegħed verament mal-poplu u għal pajjiżu meta niftakru f’dik il-famuża ittra li hu kiteb lill-FATF biex ħolqot kritika qawwija minn diversi setturi.

Dr. Grech qal ukoll li hu kapaċi jikkonsulta u jiddjaloga biex f’isem il-poplu jara li jonfoq il-flus tal-poplu bl-aħjar mod. Eżempju tipiku li jiġi f’moħħok ta’ djalogu profond li hu wettaq mal-grupp parlamentari tiegħu, meta dan mar quddiem dan il-grupp għal erba’ jew ħames darbiet, b’patt komplut dwar il-kannabis. Dak huwa eżempju tipiku ta’ kif ma tistax tagħmel il-konsultazzjoni.

Wara li dam jissuppervja ħafna, meta wasal għall-aħħar biex jiddeċiedi kellu jibla kliemu u jimxi mal-ħsieb tal-maġġoranza tal-partit tiegħu. Imma dan għamlu mhux għax ried, imma għax kien jaf li jekk jibqa’ jimponi l-pożizzjoni tiegħu kien ser imur fil-parlament u ħafna deputati kienu ser jivvutaw kontra tiegħu. Dik hija l-kapaċita ta’ konsultazzjoni jew djalogu.

Grech kompla jgħid li hu kapaċi jiddjaloga u jikkonsulta kif jintefqu flus il-poplu. Jekk id-diċerija li għaddejja bejn ħafna tesserati u sostenituri tal-partit li qed jintefqu ħafna aktar flus issa, milli kienu jintefqu fit-tmexxija ta’ Adrian Delia, allura huwa wkoll eżempju ċar ta’ kif jista’ jkun li tafda lil dan il-kap bit-tmexxija tal-pajjiż.

Ikun ħafna aħjar li qabel jippronunzja ruħu fuq affarijiet kbar u serji, ikun ċert li fid-dar tiegħu jkun qed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet possibbli biex ma jsallabx lill-partit tiegħu stess. Sewwa jgħid il-Malti li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

One thought on “Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti

  1. “jiftaħar għall-mod kif solva l-problemi tal-partit tiegħu. Hu joffri dawn is-soluzzjonijiet li qal li għamel fil-partit tiegħu bħala preludju għal dak li kapaċi jagħmel bħala Prim Ministru” …. Jista jghidilna xghamel fuq id dejn enormi li ghand il partit u kemm fil fatt irnexillu inaqsu? Jew qed jitama li jkun fil gvern biex dan id dejn jihafer malajr?

Leave a Reply

Your email address will not be published.