Jista’ Dr. Bernard Grech jgħid min ħadem fuq it-tnax-il abbozz li ressaq bħala mega riforma fil-liġijiet Maltin?

Minn osservatur politiku

Waqt l-intervista ta’ nhar il-Ħadd Dr Bernard Grech qal li hu wiret partit li kellu l-problemi tiegħu iżda f’dawn is-sena u xahrejn, hu ta’ prova ta’ kif bl-għaqda u l-ħidma ta’ kulħadd se jaffronta l-problema ta’ isem pajjiżna biex joffri pajjiż aktar sigur u ta’ serħan il-moħħ. Tisma’ dawn l-affermazzjonijiet u bla ma trid titbissem. Meta ħa l-Partit f’idejh verament kien hemm ħafna problemi. Imma min kien qed joħloq dawk il-problemi kollha? Kienu l-istess nies li poġġewh kap u li issa jinsab marbut f’għoqda li ma jistax jieħu deċiżjonijiet kontra tagħhom jew jiddixxiplinhom.

L-aħħar eżempju ta’ David Thake huwa każ idoneju biex juri dan in-nuqqas ta’ dixxiplina. Qalilna li f’dawn l-aħħar erbatax-il xahar ta’ prova ta’ kemm għandu għaqda fil-grupp parlamentari tiegħu. Mela diġa’ nesa l-balbuljata tal-kannabis meta kellu jibla kliemu għax kien għaġġel u għamel dikjarazzjonijiet li l-grupp parlamentari ma qabilx magħhom. Jiftakar kemm kellu inkwiet fil-laqgħat tal-grupp parlamentari li spiċċa telaq il-barra minn laqgħat fuq is-suġġett.

Tant kien wera għaqda dak in-nhar li prova jimponi fuq il-grupp parlamentari x-xewqat u l-ħsibijiet ta’ ibnu u l-grupp parlamentari litteralment irreġetthom. Nesa kemm kienu mxandra aħbarijiet ta’ tgħajjir bejnu u bejn wieħed mill-grupp parlamentari tiegħu. Dak in-nhar kien hemm l-għaqda wkoll fil-grupp? Bħal dawn l-eżempji jistgħu jissemmew ħafna iżjed.

Meta jsemmi l-ħidma ta’ kulħadd forsi nasal biex naqbel miegħu. Ippermettuli nistaqsieh mistoqsija, ta’ min kienet l-idea li jressqu tnax-il abbozz ta’ liġi li jittrattaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-imħallfin u min kien fdat li jikteb dawn it-tnax-il abbozz? Jekk jgħidilna nkunu nafu u nikkonfermaw li jeżistu nies minn ta’ madwaru li lesti joħorġu b’ideat u jwettqu dak li jgħidu. Min ħareġ b’dawn l-ideat veru qed juri li jinteressah li jaħdem biex isem pajjiżna jerġa’ jinqala’ mill-ħondoq li niżluh fih.

Persważ li din ma kienetx xi proposta ta’ Dr Grech għalkemm jipprova jgħid li hu ħajjar lid-deputati tiegħu biex jaslu għal dak li għamlu. Tiftakruhom il-ħmistax-il proposta għall-governanza tajba li kien ressaq Adrian Delia?

F’dan il-kuntest ikun interessanti li jgħidilna min kien li ħadem fuq dawn l-abbozzi ħalli nkunu nafu min verament lest li jaħdem għal pajjiżu.

Leave a Reply

Your email address will not be published.