Il-każ ta’ Fr. David Muscat: It-tmiem tal-liberta’ individwali f’Malta
Ħa nibda billi nagħmel l-ewwel premessa. Jien ma jienx anti-gay jew anti-LGBTIQ. Kont l-ewwel wieħed (u jekk mhux l-ewwel minn ta’ l-ewwel) li rreferejt għal dan il-grupp f’Malta bħala LGBTIQ meta l-istess kommunita’ lokali f’Malta kienet għadha qed tirreferi għalija nnifisha bħala LGBT biss.
Imma lilhinn minn dan kollu, għaliex qed nikteb kif qed nikteb? Għaliex nemmen li din il-kommunita’ qed tagħmel żballji kbar u ser tħallas għalihom fil-futur. Qed tkun risponsabbli għat-tkissir tal-libertajiet individwali li tant ħadmet għalihom. Qed issir parti mill-establishment tal-istat u l-knisja. U dan il-proċess ġa beda. Għalhekk b’saħħa ma naqbilx li Fr. David Muscat għandu jittella’ l-qorti. Għandhom id-dritt li jgħidu li ma jaqblux u għaliex. Imma hawn qed nitkellmu fuq oppressjoni legali fuq il-ħsieb. Fuq livell legali jien nemmen li dawn l-akkużi huma infondati. Imma agħar minn hekk, huma perikolużi. Anzi dan l-każ joħroġ kemm din il-liġi tal-Hate Speech hija perikoluża u jiddispjaċini ngħid warajha hemm il-kommunita’ gay.
Biss ħa għamel ftit digressjoni. Tiftakru meta l-pulizija, taħt Gvern Nazzjonalista, bdiet kampanja kontra Norman Lowell? Dak iż-żmien ma kienx “hate speech”. Dak iż-żmien konna ngħidulu diskors razzjali. Ittella’ l-qorti u l-qorti kienet intelliġenti u illiberatu. Biss xorta, illum ħafna snin wara x’ġara? Aktar u aktar nies qed jgħidu li Norman Lowell kellu raġun fuq l-emigrazzjoni. Jien ma naqbilx li kellu raġun. Dan hu suġġett li nżertajt ngħallmu fuq bażi storika. L-emigrazzjoni hija issue komplessa ħafna. Imma dan mhux il-fatt. Il-fatt hu li dawk il-Laburisti u Nazzjonalista li jaħsbu li għadu raġun żiedu u dawn għandhom ir-raġunijiet validi tagħhom għax jaħsbu hekk.
L-istess ser jiġri fuq l-kwistjoni tal-“hate speech” u Fr. David Muscat. U ħa ngħid għaliex. Jekk kien hemm eye-opener ta’ kemm dan hu minnu, din kienet l-intervista li ta’ Mark Camilleri lil Jon Mallia. X’qal fiha Mark Camilleri? Mark Camilleri għamel punt importanti. Qal li huwa u sħabu taw “pass” u l-kelma “pass” użaha Mark Camilleri innifsu u mhux jiena lil Joseph Muscat. U x’ried ifisser Mark Camilleri b’din il-kelma “pass”? Mark Camilleri ried ifisser li huwa u sħabu taw is-support lil Joseph Muscat, anki jekk kienu jafu li kien korrott, basta dan ħallihom jgħaddu l-liġijiet li riedu huma. Mela skont Camilleri innifsu, biex għaddew ċertu liġijiet, li jmorru kontra l-istess kunċett tal-liberta’ individwali, u hawn qed nirreferi għal din tal-hate speech, kienu lesti li jissaggrifikaw lill-pajjiż u jħallu lill-pajjiż jgħodos fil-korruzzjoni. Infakkar li dawn kienu l-istess nies li neħħew minn reat iżżebliegħ ir-reliġjon Kattolika! Kemm ngħid biss li f’dak li kiteb Fr. David Muscat ma hemm xejn ta’ żebliegħ u l-anqas hemm kliem li jinċita vjolenza kontra xi sezzjoni tas-soċjeta’ jew oħra.
Infakkar li meta kienu qed ikun mgħoddija dawn il-liġijiet, jien kelli blog fil-Malta Independent. Kont voċiferu kontra tagħhom u kontra l-korruzzjoni li kienet għaddejja dak iż-żmien. Ħadd ma jista’ jakkużani li ma tkellimtx. Illum drajtuni. Nikteb kif naħsibha u bla kantunieri. Meta ma qbilx mal-PN, ħafna qalu li kont sirt “ice bun” ta’ Joseph Muscat. Qatt ma ġejt offrut l-ebda job mingħand ħadd taħt l-ebda gvern, kemm Nazzjonalista u anki Laburista. Dak li għandi kollu bis-saħħa tiegħi u tal-mara. Biss fejn inħoss li l-affarijiet mhux sejrin nitkellem.
U hawn l-affarijiet mhux sejrin sew. U għaliex il-gays etc ser jispiċċaw il-vittmi? Ċara. Jekk taqa’ l-ekonomija minħabba l-korruzzjoni u raġunijiet oħra, min ser jeħel? Il-gays. Mhux huma kienu wara l-korruzzjoni u taw pass lil min kien qed jagħmilha biex jgħaddu l-liġiijiet li jridu? Dan ser ikun l-argument primarju li ser naraw minn hawn u ftit snin oħra, anki jekk wara dawn il-liġijiet ma kienx hemm biss gays iżda persuni oħrajn li ma humiex gays imma jaqblu ma dan it-tibdil. Biss l-istorja tgħallem li s-soċjeta’ tfittex scapegoats għall-problemi tagħha.
Illum l-għafsa fl-ekonomija qed iħossha kaħħal li ra Sirjani jieħdulu xogħlu. Għada l-għafsa jħossha ħaddieħor. Il-bniedem dejjem irid isib xi scapegoat. Illum l-iscapegoat huma Fr. David Muscat. Hu qed jeħel għaliex in-nies ma jridux imorru aktar il-quddies. Hu qed jeħel għaliex is-soċjeta’ tagħna hija omofoba. Dak li qed niżirgħu llum ser naħsduh għada.
Fil-verita’ dan l-attakk fuqu jippreżenta t-tmiem tal-liberta’ individwali f’Malta. U dan ser ikun assoċjat mal-“gayyaġni”. Nifhem li politiċi u knisja huma parti mill-establishment. Imma issa anki l-moviment “gay” sar parti minn dan l-establishment. Infakkar li l-bidu tal-kunċett tal-liberta’ individwali beda appuntu bħala reazzjoni għall-establishment.
Kien il-perjodu Illuministiku tas-seklu tmintax li daħħal dan il-kunċett li ġie maqgħud mal-kunċett tal-liberaliżmu. Il-liberta’ individwali saret parti integrali ta’ dak kollu li l-Illumiżmu kien jippreżenta. L-Illuminiżmu ried jipproteġi liċ-ċittadin fuq livell individwali mill-poter tal-istat u tal-knisja. Maż-żmien dan il-kunċett twessa’ għad-difiża tal-individwu mill-gruppi soċjali u l-korporazzjonijiet. Fi kliem ieħor, hu kunċett fejn l-individwu għandu jkun protett akkost ta’ kollox. Il-liberta’ tal-ħsieb għandha tkun protetta wkoll u magħha l-liberta’ li tgħid li trid. Il-famuża espressjoni attribwita lil Voltaire: jien nibqa’ niddefendi id-dritt li tgħid x’taħseb anki jekk jien ma naqbilx miegħek qedha tintilef bil-mod il-mod.
Ilum għandek gruppi, inkluż tal-LGBTIQ li qed ikissru din il-liberta’ individwali għaliex qed jgħidu li jħossuhom offiżi. Dawn qed jieħdu s-sura ta’ poter li għandhom il-corporate groups u li kellha fl-imgħoddi il-knisja jew l-inkwiżizzjoni. Saru l-inkwiżituri tal-lum. Magħha għad hemm il-politikanti. Fi kliem ieħor, qed isiru huma l-prekursuri tat-tkissir tal-libertajiet individwali fuq il-bażi li l-massa tan-nies qed tħossha offiża b’dak li ntqal.
Minflok żammu ruħhom maqtugħa mill-poteri stabbiliti, biex ikomplu jiddefendu d-drittijiet individwali, saru parti minn alleanza ġdida bejn l-altar u l-poter (dik li fis-seklu dsatax kienet tissejjaħ il-Holy Alliance) li kienet inħolqot biex terġa’ twaqqaf l-ordni pre-Napoleoniku. Fi kliem ieħor, f’dak li qed naraw iseħħ fil-konfront ta’ LGBTIQ huwa li huma stess mhux kapaċi jaċċettaw il-kambjamenti profondi li l-kunċett tal-liberta’ individwali ħoloq. Dan jikkonferma dak li dejjem għallmet l-istorja jiġifieri kemm hu verament diffiċli biex tneħħi legat qadim jew tibdlu. Issa l-LGBTIQ saru parti minn dan il-leġat qadim. Ironikament, huwa Fr. David Muscat li qed jiċċalinġja dan il-legat qadim anki jekk għal ħafna, qed jidher li jrid ireġġa’ l-arloġġ lura.