Dak li bassar dan is-sit qed iseħħ: Il-każijiet tal-ħlasijiet tat-taxxa ser jibqgħu jiġru wara Bernard Grech

Blog post minn Osservatur Politiku

Il-paraguni huma odjużi imma xi kultant ikollok tqabbel ħaġa ma oħra. Bernard Grech ħareġ jitkellem u jippontifika meta Ian Castaldi Paris inkixef li kellu jagħti somma qawwija lid-dipartiment tat-taxxa. Deher ċar li Castaldi Paris ma ddikjarax kollox mad-dipartiment u meta nqabad deher ikrah ħafna. Tant hu hekk li kisser il-ħajja politika tiegħu għax iddikjara, u naħseb ma kellux triq oħra, li mhux ser ikun kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Imma kif Bernard Grech joħroġ jattakka lil dan id-deputat meta hu nnifsu għadda mill-istess nuqqas, għalkemm forsi juża l-argument li huwa ammont inqas. Argument li ma jreġġix għax meta tonqos ma’ tat-taxxa, tkun inqast, ikun x’ikun l-ammont. Mela hawnhekk għandna sitwazzjoni fejn Castaldi Paris ammetta dnubietu u ħa l-passi neċessarji biex iwarrab minn pożizzjoni pubblika.

Imma Dr Grech mhux talli ma rtirax talli qed jippoppa sidru bħala l-persuna fuq quddiem biex imexxi l-kampanja elettorali kontra l-Partit Laburista. Kemm-il darba għidna fuq dan is-sit, u se nibqgħu ngħidu, li Bernard Grech irid joqgħod attent kif jitkellem f’ċertu sitwazzjonijiet meta hu dineb bil-goff kontra d-dipartiment tat-taxxa. Ħaseb li għax ippreżenta ċertifikat, li reġa’ semmieh fl-aħħar siegħat, se jiġi assolt mid-dnub li huwa wettaq.

Le Dr Grech, dak id-dnub ma jinħafer qatt u se jibqa’ jissemma kemm iddum għaddej, speċjalment fil-politika.

Sfortunatament għal Dr Bernard Grech, barra l-istorja tiegħu, issa tfaċċatlu storja oħra ta’ wieħed mill-grupp parlamentari tiegħu. Għal darba oħra dnub ieħor minn deputat fejn tidħol it-taxxa. Jekk Dr Grech kien għamel użu mill-argument li Cistaldi Paris kien iktar midneb għax l-ammont kien kbir, x’se jgħid għad-deputat tiegħu li milli qed naqraw l-ammont dovut huwa t-triplu ta’ Castaldi Paris? Xi skuża se joħroġ biha Dr Bernard Grech? Fil-fatt ma sab ebda skuża għax kull ma qal li aċċetta r-riżenja temporanja tad-deputat tiegħu.

Fil-każ tal-aħħar ta’ deputat tiegħu, Dr Bernard Grech ma talab ebda riżenja imma qagħad jistenna d-deċiżżjoni tad-deputat innifsu li rreżenja minn jheddu u qagħad jiftaħar li l-etika tal-Partit Nazzjonalista hija aħjar minn dik Laburista. Ara Dr Grech, lanqas biss ikkonsidra li jieħu xi pass etiku meta nkixef li kien ilu tnax-il sena bl-inkwiet tat-taxxa.

Mhux talli ma ddiċida xejn, talli baqa’ għaddej biex sar Kap tal-Partit u qed jaħseb li għax ħallas kollox, skond hu, u għandu ċertifikat allura reġa qed ixejjer bandiera bajda. Huma dawn l-istanzi fejn Dr Grech jitkellem kmieni u żejjed li qed itellfu kull fiduċja fil-Partit Nazzjonalista. Huma dawn id-dikjarazzjonijiet li qed jagħmel Dr Grech li jkomplu jniżżlu lill-Partit Nazzjonalista fl-abbissi u f’livell baxx ta’ nuqqas ta’ tama li l-Partit jista’ xi darba jieħu r-ruħ.

One thought on “Dak li bassar dan is-sit qed iseħħ: Il-każijiet tal-ħlasijiet tat-taxxa ser jibqgħu jiġru wara Bernard Grech

Leave a Reply

Your email address will not be published.