Valérie Pécresse u Bernard Grech jisħqu fuq gwerra urġenti kontra d-delinkwenza u l-kriminalita’

Analiżi minn Dr Hermann Farrugia

Donnhom ftehmu! Valérie Pécresse u Bernard Grech ikkoinċidew fl-ewwel stqarrijiet politiċi tal-2022. Jisħqu fuq gwerra urġenti kontra d-delinkwenza u l-kriminalita’. In fatti, lejn l-aħħar tal-ewwel ġimgħa tas-sena l-ġdida ’22, iż-żewg kontestanti mill-Oppożizzjoni Ċentru-Leminija jiġifieri dik Franċiża (Les Républicains) u dik Maltija (Partit Nazzjonalista), it-tnejn membri sħaħ tal-EPP (Partit Popolari Ewropew), f’diskorsi separati fetħulha dwar l-isfidi tal-abbuż kriminali u l-azzjoni li għad jixtiequ imexxu kontra d-delinkwenza.

Forsi mhix kumbinazzjoni li ż-żewġ politiċi qegħdin jirrankaw għall-inkontri elettorali li issa hu mifhum li t-tnejn li huma jistgħu possibilment jinżertaw viċinissimi, anke kważi jaħbtu f’xulxin. Filwaqt li l-elezzjoni Presidenzjali Franċiża hi Kostituzzjonalment fissa madwar ċertezza ta’ żewg rounds għall-ħdud tal-10 u tal-24 ta’ April li ġej, l-elezzjoni ġenerali Maltija li jmiss tiġi imsejħa fuq prerogativa esklussiva tal-Prim Ministru. Huwa waħdu statutorjament marbut li jappuntaha għal sa’ mhux aktar tard mill-massimu permess.

Forsi ftit jirrealizzaw li effettivament did-darba dal-limitu assolut li timponi l-Kostituzzjoni tagħna jiskadi nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru 2022. Il-kandidata presidenzjali tal-lemin Franċiża Valérie Pécresse, il-Ħamis li għadda wiegħdet solennement li tnaddaf b’enerġija ż-żoni urbani milquta mill-kriminalità hekk kif fittxet li tpinġi lill-President Emmanuel Macron bħala artab wisq.

Valérie Pécresse wriet snienha aggressivament permezz ta’ lingwagg ċar, assertiv u pittoresk li jinftiehem minn kulħadd. Mhux inċidentalment, dehrilha li għandha tirrikorri għat-terminoliġija domestika vivaċi li kien ġià’ uża l-mentor tagħha stess fil-Partit UMP, l-eks-Ministru tal-Intern u President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy. Dan fi żmienu kien metaforikament alluda għall-qawwa tal-ħasil anti-ħażen permezz ta’ “powerhose jet-wash (bil-Franċiż kollokjalment magħruf u mlaqqam KARCHER) bħala għodda qalila kontra komunitajiet ta’ żgħażagħ delinkwenti.

Sarkozy kien wiegħed li jikkoordina gwerra sistematika mastiċċa tal-Istat Franċiż kontra kwartieri kriminali mwiegħra li sa’ minn dak iż-żmien diġa’ kienu jispikkaw. Żoni sħaħ mitluqa, miżgħuda u mifnija minn insigurta’ suburbana u minn diżordni ċiviku intolerabbli. Issa Pécresse insistiet li fuq dan l-aspett, il-President Macron bħal dak ta’ qablu François Hollande, ma ħariġx b’politika soda u disważiva biżżejjed, anzi kien għadu jidher fjakk wisq.

Hawnhekk interessanti ninnutaw li Valérie Pécresse għat-tieni round tal-elezzjoni presidenzjali ta’ ħames snin ilu kienet appellat lill-poplu elettur sabiex jivvota għal Emanuel Macron minflok ma appoġġjat lill-Leminija tar-Rassemblement National, Marine Le Pen. Filwaqt li irrepetiet din l-espressjoni kontroversjali li kienet saret famuża fi żmien Nicolas Sarkozy, il-parrinu politiku tagħha, Pécresse wiegħdet li għad trid tirrikorri għall-illustri power hose b’saħħtu, magħruf bl-isem tad-ditta Karcher fi Franza.

“Irridu noħorġu l-Karcher mill-ġdid għax ilu maħżun fil-kantina… għal dawn l-aħħar 10 snin,” sostniet il-kandidat tal-Partit tagħha LR (Ir-Repubblikani) lill-ġurnalisti fil-Belt ta’ Salon-de-Provence. “Se jkollna bżonn innaddfu mill-qiegħ dawn il-kwartieri ‘żdingati’ li saru żoni mingħajr liġijiet u kultant mingħajr ċivilta’, mingħajr Franza,” żiedet tgħid Pécresse li hi President tar-reġjun Franċiż l-aktar popolat , dak ‘Pariġin’ magħruf bħala Île-de-France. “Fir-Repubblika li sejra niggwida u mmexxi, mhux se jkun hemm żoni fejn in-negozjanti tad-droga jkollhom xi forma ta’ prerogativa aħseb u ara ta’ xi dritt jew vantaġġ.” Is-sigurtà u l-immigrazzjoni huma fost it-tħassib ewlieni tal-votanti Franċiżi għall-Elezzjoni Presidenzjali t’April, eżattament wara l-inkwiet u diżillużjoni dwar l-għoli tal-ħajja u l-pagi f’dak li huwa komunement rikonnoxxut bħala l-ewwel pjaga, dik tal-imbierek ‘pouvoir d’achat’ (purchasing power).

Hekk kif Pëcresse ġiet mistoqsija jekk setgħetx tagħmel aħjar minn Sarkozy li kien magħruf għat-ton iebes determinat tiegħu matul l-uniku mandat (2007-2012) li kien rebaħ bis-slogan ingenjuż ‘Ensemble Tout Est Possible’ (li kurjożament fuqu kienet ġiet imsejsa l-għajta Elettorali Nazzjonalista ‘Flimkien Kollox Possibbli taħt GonziPN’ 2008), Pécresse insistiet: ‘Jiena ‘Iron Lady. Staqsi lin-nies fir-Reġjun tiegħi.

Stħarriġ ġdid ippubblikat l-Erbgħa li għadda mill-grupp ta’ stħarriġ Ifop-Fiducial wera li Emanuel Macron għadu imantni l-avvanz elettorali tiegħu fuq l-isfidanti tiegħu prinċipali fosthom Pécresse, kif ukoll ir-rivali tal-Lemin estrem Marine Le Pen kif ukoll lill-ġurnalist storiku pjuttost isteriku Eric Zemmour.

Fl-aħħar sondaġġ, il-President sedenti Macron ta’ 44 sena (La République En Marche LREM) huwa indikat li għad jirbaħ l-ewwel rawnd preliminari. Imbagħad huwa pproġettat li s’issa jerġa’ jegħleb lil Pécresse, l-eqreb rivali tiegħu, b’55 fil-mija fil-votazzjoni deċiżiva ‘il-kbira’ magħrufa bħala dik ‘tat-tieni rawnd’.

Valérie Pécresse, li qed tagħmel ħilitha b’enerġija straordinarja sabiex tkun hi l-ewwel mara eletta President ta’ Franza, il-ġimgħa li għaddiet żvelat it-tim strateġiku sħiħ tal-kampanja tagħha. Dan intelliġentement jinkludi r-rivali kollha tagħha fil-Partit Repubblikan (LR) li kienu ġew innominati għall-Elezzjoni ‘Primarja’ interna għan-nomina tal-Kandidat Presidenzjali. Fiha kienu ipparteċipaw billi xeħtu l-għażla tagħhom kważi 145,000 imsieħba.

Interessanti wkoll kif fost dawn il-personaggi politiċi kapaċissimi li qegħdin jiggwidawha u jaħdmulha qatigħ hemm l-eks-negozjatur tal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit, Michel Barnier. S’issa jidher li Macron qiegħed jikkonsolida postu u isejjes triqtu għat-tieni u l-aħħar term Presidenzjali ta’ Ħames Snin. Madankollu, mhux diffiċli jitbassar kif dan id-diplomatiku simpatiku distint Michel Barnier għad nergħu narawh fil-lenti politika, eventwalment maħtur jidderiġi f’Matignon bħala l-ewwel Prim Ministru tal-President il-ġdid Franciż Valérie Pécresse.

Ikun imbagħad sewwasew f’dan ir-rwol li Barnier ikollu jerġa’ jitħabat sabiex il-Partit Repubblikan eventwalment jottjeni maġġoranza komda fl-Elezzjonijiet Legiżlattivi għall-Assemblée Nationale li wkoll mistennija iseħħu ftit wara l-inkontru elettorali presidenzjali.

Leave a Reply