Fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, il-“gayyaġni” hija marbuta ma’ “disordni”

Blog post minn qarrej

Skont l-aħbarijiet, Fr David Muscat ser jitressaq il-qorti mill-pulizija akkużat li qal kliem ta’ mibegħda u kliem ieħor dispreġġattiv fuq persuni “gay”. Din il-kawża taf iġġib lill-Qorti ta’ Malta f’diffikulta kbira u taf iġġib kriżi anki fl-istess liġi li Fr. David Muscat ser ikun akkużat li kisser. Issa ħafna nies jafu dwar dak li kiteb Fr. David Muscat f’kumment taħt post tiegħu stess fuq Facebook. Dan il-kumment kitbu rigward delitt li sar fl-ewwel tas-sena ġewwa Tas-Sliema. F’dan il-kumment taħt dan il-post, Fr. David Muscat semma il-kelma “gayyagni” u l-kelma “disordni”. Minħabba dawn il-kliem qam furur sħiħ li ġab il-kundanna minn ħafna nies, inkluż ta’ politikanti, persuni mill-kommunita’ LGBTIQ, u saħansitra mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna. Fr. David Muscat ġie akkużat bi “Hate Speech” min dawn il-persuni kollha.

Mela, jekk wieħed jidħol fid-dettal ta’ x’kiteb Fr. David Muscat fil-post tiegħu, wieħed jara li huwa wża l-kelma “gayyagni” biex tiddeskrivi att jew imġieba. Mela b’din il-kelma, Fr. David Muscat ma rreferihiex għall-persuna imma għall-att innifsu. Mela akkuża ta “Hate Speech” ma treġix għaliex il-liġi hija ċara u titkellem fuq persuni – u mhux deskrizzjoni tal-att bejn persuni – li jikkostitwixxi diskorsi ta’ mbegħda.

Imbagħad hemm it-tieni kelma “disordni”. Mill-att legali, din hija aktar waħda diffiċli biex tkun spjegata fil-qorti għaliex din tista’ tkun użata li qed tirriferi għall-persuni u mhux għall-att fih innifsu. Biss anki din il-kelma ma treġix bħala “Hate Speech” fil-konfront ta’ Fr David Muscat. Għaliex qed ngħid dan? Għax Fr. David Muscat huwiex ċittadin komuni. Fr David Muscat hu saċerdot tar-Reliġjon Kattolika Rumana. Forsi wieħed jgħidli li quddiem il-liġi, kull ċittadin l-istess. Veru. Biss f’dan il-każ, dak li kien qed jagħmel Fr. David Muscat huwa biss li juża kelma li tinsab fit-tagħlim uffiċjali tal-Knisja Kattolika, jiġifieri fil-katekizmu uffiċjali tagħha. Dan il-katekiżmu jorbot lill-Kurja ta’ Malta u lil Mons Charles Scicluna kif għandhom jaġixxu.

Mela x’ jgħid il-katekiżmu tal-Knisja Kattolika? Wieħed jista’ jfittxu on-line fuq l-internet, Catechism of the Catholic Church. Linji 2357 sa 2359 jitkellmu dwar l-omosesswalita’. F’linja 2357 hemm miktub ċar li l-atti omosesswali huwa “acts of grave depravity”, li jfisser hu huma atti ta’ dnubiet gravi. Fl-istess linja hemm imsemmi ukoll li “homosexual acts are intrinsically disordered” jiġifieri l-atti omosesswali huma “disordni fin-natura tagħhom ”.

Mela meta Fr. David Muscat kiteb dak li kiteb, f’kumment li għamel biex jispjega dwar x’ġara f’dan id-delitt, hu kien biss qed jirreferi, bi kliem sempliċi, x’inhu jgħid il-katekeżimu tal-Knisja Kattolika Rumana, waqt li jibqa’ fidil lejn il-maġisteru tal-istess Knisja Kattolika Rumana.

Mela dak li kiteb mhux kliem tiegħu, imma kliem tal-istess Knisja li tagħha huwa saċerdot. Fr David Muscat bħala saċerdot hu obbligat li jxandar it-twemmin veru li tħaddan il-Knisja Kattolika. Dak hu d-dmir tiegħu, irrelevanti jekk hux offensiv jew le għal xi komunitajiet jew individwi. Bħala saċerdot Fr. David Muscat ma jistax jagħmel mod ieħor għax ikun qed jonqos. Dan kollu suppost jafu l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles Scicluna!

Fr. David Muscat mhux biss jaf eżatt x’qed jikteb imma l-anqas parla fil-vojt kif qed jiġi mgħajjar min xi nies. Mhux talli dak li qal mhux “Hate Speech”, imma saħansitra, f’post li kiteb talab biex dik il-persuna li magħha ġiet assoċjata l-“gayyaġni” tingħata għajnuna! Fr. David talab li tingħata l-għajnuna mhux għall-gayyaġni imma l-att li qed tkun akkużata li għamlet. Mela Fr. David Muscat ġid xtaqilha lil dik il-persuna u mhux deni. Nerġa’ nfakkar li skont Fr. David Muscat din għandha l-“gayyaġni” – jiġifieri tagħmel sess ma’ persuni maskili. Imma dan il-fatt ħadd ma semmieh, għax min għandu l-agenda kontra l-Knisja u kontra Fr. David, ma jaqbilux issemmih.

Dwar il-kumment ta’ Fr. David Muscat li “l-inqas gravi il-possessjoni … l-gayyagni għar”, hawn ukoll Fr David Muscat kellu raġun. L-ewwel mhux ċar jekk Fr. David Muscat hux qed jirreferi għall-kelma bl-Inġliż “worse” jew għall-kelma “cave”. Il-kelma “worse” bil-Malti tinkiteb “agħar”. Hu kiteb “għar”. F’dak li kiteb seta’ kien qed jirreferi għall-metafora platonika tal-“għar”. Biss dan hu fatt li hu jrid jikkonfermah u mhux jiena. Nispera li jkun spjegat fil-qorti.

Imma ejja ngħidu li qed jirreferi għall-kelma “agħar” kif ma għandix dubju li fehmuha ħafna nies. Fid-duttrina tal-Knisja, li wieħed ikun ippossessat mix-xitan, mhuwiex meqjus dnub. Bil-possessjoni, il-Knisja tqis li persuna tkun għaddejja minn tbatija kbira għax tkun ostaġġ tax-xitan. Tant hu hekk, li fix-xirka tal-qaddisin, hemm diversi qaddisin li f’ħajjithom kienu pposseduti għalkemm kienu qed għixu ħajja ta’ qdusija. Fosthom nista’ insemmi lil San Giovanni Calabria u Santa Maria ta’ Ġesu’ Kruċifissat (Mariam Baouardy). Żewġ qaddisin oħra kbar, San Padre Pio u San Ġwann Bosco kienu ikunu regolarment attakkati mix-xitan. L-istess jista’ jingħad għal San Ġorġ Preca. Mela issa ser ikollna qassis imressaq il-qorti għax kiteb fatt li hu mitqies bħala stat indiskuttibbli fit-tagħlim tal-Knisja li tqies atti ta’ omosesswalita’ agħar milli jkollok ix-xitan fik.

Issa l-att sesswali tas-sodomija, b’mod partikolari bejn persuni tal-istess sess maskli, huwa ikkundannat diversi drabi fil-Bibbja, kemm fl-antik testment u anki fl-ittri ta’ San Pawl. L-ewwel ħaġa li ser jiġi mitlub jagħmel fl-awla tal-Qorti meta jitla’ jixhed hu li jieħu ġurament. Il-ġurament normalment jittieħed fuq il-kurċifiss. Fil-każ tal-qassisin, normalment dawn jieħdu l-ġurament tagħhom fuq il-Bibbja li fuqha huwa bbażat it-tagħlim tal-Knisja Kattolika Rumana li Fr. David Muscat hu saċerdot tagħha. It-tagħlim tal-Knisja fuq l-omosesswalita’ joħroġ mill-istess Bibbja.

Imbagħad hemm fatt ieħor. Il-Knisja Kattolika Rumana hija uffiċjament rikonoxxuta fil-Kostituzzjoni ta’ Malta bħala r-reliġjon ta’ Malta. Mela kif tista’ qorti issib qassis ħati talli ħaddan it-twemmin tal-Knisja f’konfront ta’ liġi li intrinsakament saret biex tisfida lill-istess tagħlim tal-Knisja Kattolika fuq dan is-suġġett? Dan jista’ jġib lill-qorti f’diffikulta kbira. Il-qorti qatt ma tista’ tiddikjara illegali t-tagħlim tal-Knisja Kattolika Rumana. Jekk tagħmel hekk tkun qed tmur kontra l-istess kostituzzjoni ta’ pajjiżna u d-dritt tal-liberta’ reliġjuża.

Fuq kollox, Fr. David Muscat jista’ joħloq preċedent billi jitlob lill-Arcisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna, jitla’ jixhed u taħt il-ġurament iġagħlu jistqarr il-vera tagħlim tal-Knisja fuq l-azzjoni marbuta mal-omosesswalita’. Infakkar li finalment, Fr. David ma tkellimx fuq persuni jew persuni “gay” imma fuq azzjoni li toħroġ minn relazzjoni sesswali bejn żewġ irġiel.

Fuq kollox, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna ippreġudika l-każ meta tkellem kif tkellem fuq is-suġġett il-ġimgħa l-oħra. Hu tkellem biex jintgħoġob mal-poplu u speċjalment mal-liberali u oħrajn li huma anti-klerikali. Il-problema hi li bil-kliem li qal naqas bħala r-ragħaj spiritwali li jxandar il-vera twemmin tal-Knisja Kattolika.

Min isegwi lil Fr. David Muscat jaf li hu dejjem emfasizza li ma jinteressahx xi tgħid id-dinja. Hu jinterressah biss li jiġi iġġudikat quddiem Alla. Dak hu dmiru u huwa lest li jagħmlu!

Imma biex ikun għidt kollox ħalli ma niġix akkużat li semmejt dak biss li jaqbilli fil-katekeżmu tal-Knisja Kattolika hemm linja 2358 fejn fiha jintalab biex persuni omosesswali jiġu aċċettati u rispettati. Dan Fr. David Muscat ma naqasx milli jagħmlu. Kif għidt qabel, Fr. David Muscat attakka att u mhux persuna. Hu xtaq li persuna, li skont huwa hija bisesswali, tiġi mgħejjuna. Fuq kollox, hu xtaq li tkun mgħejjuna mhux minħabba l-bisesswalita’ tagħha imma minħabba l-istat psikoloġiku tagħha.

Linja 2359 tal-Katekiżmu UnIversali tal-Knisja titlob li persuni omosesswali biex jgħixu ħajja ta’ kastita’, jiġifieri jistgħu jgħixu flimkien imma bħal aħwa mingħajr atti sesswali bejnithom. Linji 2357 u 2358 jagħmluha diffiċli li persuni omosesswali attivi jgħixu skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika Rumana sakemm ma jgħixux ħajja ta’ kastita’ għaliex l-att fih innifsu jew kif ġie deskritt bħala “gayyaġni” huwa wieħed mitqies mill-istess Knisja bħala att ta’ disordni.

Kif bdejt, din il-kawża taf issir waħda interressanti li tqalleb il-kamp legali ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam dan il-qasam penali marbut ma’ diskors ta’ mbegħda.

Sliem.

Leave a Reply