Għaliex il-proposta tal-PN li jagħmel reat sħubija f’assoċjazzjoni ta’ karattru mafjuż hija perikoluża?

Il-bieraħ il-ħabib tiegħi Edward Debono ikkummenta fuq artiklu li jien ktibt dwar messaġġ li bagħat Christian Peregin lid-deputati Nazzjonalisti ħalli jagħmlu propaganda favur it-12-il proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista ispirati mir-rakkommandazzjonijiet tal-Tliet Imħallfin.

Il-ħabib tiegħi Edward qalli mhux “aħjar tikkummenta fuq t-12-l proposta fuq governanza tajba milli tipprova tkebbes n-nar”. Edward Debono huwa avukat mill-aqwa f’dik li hija liġi tal-kera u ġġieled kemm felaħ kontra l-inġustizzji kbar li din il-liġi ikkreat u għadha tikkrea sal-ġurnata tal-lum. U ta’ dan inneħħilu l-kappell. Biss ma jaħsibx li waħda jew tnejn minn dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista ser jikkreaw inġustizzji ġodda?

Għalhekk jien għandi verament biża minn ċertu liġijiet li qed jipproponi il-Partit Nazzjonalista. Ħa nsemmi  l-ewwel waħda. Proposta li għamlu hija dik li jekk persuna tkun membru ta’ assoċjazzjoni li tista’ tkun deskritta bħala mafjuża, dan isir reat u l-membri jkunu jistgħu jittellgħu l-qorti. Biex ikun preċiż, din il-liġi tagħmel att kriminali sħubija f’għaqda jew grupp li għandha karattru mafjuż. Il-kelma wżata bl-Ingliż hija “assocations” li hija vaga ħafna u tista’ tfisser ħafna affarijiet. Hawn kif ddeskrivit din il-liġi The Times of Malta. “Introducing a law to criminalise associations with a mafia-like character”.

U x’jifhem il-Partit Nazzjonalista b’dawn it-termini ta’ “associations with a mafia like character? X’jifhem bil-kelma karattru? U jifhem bil-kelma mafia? Kemm infakkar li jien ġejt mgħajjar minn Manuel Delia bħala mafjuż. Jiġifieri b’din il-liġi jien nista’ nispiċċa l-qorti għax Manuel Delia għajjarni mafjuż. Jien ġejt mgħajjar minn Manuel Delia bħala Faxxista. Ma għandix dubju li numru ta’ segwaċi tiegħu jemmnuh li jien mafjuż u Faxxista. Mela b’din il-liġi jien nista’ niġi mixtli li jien mafjuż u anki faxxista għaliex Manuel Delia qal hekk. Infakkar li tkun Faxxista hu reat f’ċertu pajjiżi.

U kif ser inkun naf li x’jagħmel persuna mafjuża? Dan hu terminu vag ħafna u għandu semantika vasta ħafna. Jew xi tkun eżatt assocjazzjoni ta’ karattru mafjuż? Jekk assoċjazzjoni hi kriminali jew vjolenta ġa hemm il-liġijiet biex iħarsu liċ-ċittadini minnha. Mela għaliex għandha bżonn din il-liġi? Ma nagħmlux mod li din tkun bħal famuża liġi tal-“hate speech”. Kull ma jkollha bżonn il-pulizija huwa li ġġib għaxar xhieda li jaħsbu jew jemmnu li jien mafjuż jew jien membru ta’ assoċjazzjoni ta’ karattru mafjuża għaliex ktibt xi ħaġa li ma togħġobx lil ċertu nies u bħalissa ma taqax taħt hate speech u fatta la żorba.

B’hekk sempliċi Facebook group jew page malajr jista’ jinbidel f’assoċjazzjoni ta’ karattru mafjuż u dawk li jikkumentaw fiha jsiru mafjużi. Kull ma hemm bżonn erba’ ġurnalisti li jagħtu spin storja dwar xi kumment li jsir. Imbagħad jekk tipprova tikkritikahom jew tikxef il-qerq tagħhom joħorġulek liġi oħra li jrid jgħaddi il-Partit Nazzjonalista dik dwar “Amending the Constitution to entrench the right to a free press” biex jgħalqulek ħalqek. Din mhix amenda dwar “free speech” imma emenda biex tipproteġi lill-ġurnalsti li jistgħu jgħidu li jridu u jekk tikkritikahom jgħajruk – kif għamlu lili – li qed tattakkahom u thedded lill-istampa ħielsa u b’hekk kumment tiegħek kontra xi ġurnalist isir punibbli b’ħabs u multi.

Infakkar li ġa għandha l-ewwel test. Fr. David Muscat ser ikun mixli fuq ‘Hate Speech’ u kull ma għandha bżonn il-pulizija ġġib għaxar minn nies biex jgħidu li ħassewhom offiżi b’dak li kiteb jew qal Fr. David Muscat. Daqshekk hija perikoluża u redikola din il-liġi li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.

Mhux aħjar ma nkomplux b’din l-iskiżofernija legali kollha? Dawn huma liġijiet perikolużi. Illum qed jolqtu lil Fr. Muscat. Għada jistgħu jolqtu lilek. Forsi tgħid imma jien mhux ser nagħmel statement li jista’ jinstema’ omofibiku għaliex fuq il-gays mhux ser nitkellem jew nikteb għax ma jinteressanix mill-gayyaġni. Biss kumment politiku malajr jista’ jkun interpreta bħala wieħed mafjuż u jekk jien niġi deskritt u t-timbrat mafjuż, dawk li huma membri tal-grupp tiegħi fuq Facebook jistgħu jibdew jitqiesu li huma membri ta’ assoċjazzjoni mafjuża. Fuq kollox, kulħadd jista’ jagħmel xi kumment ta’ disapprovazzjoni fuq xi ġurnalist. Malajr dan jispiċċa l-qorti mixli bi ksur tal-kostituzzjoni għaliex qed jattakka lill-istampa ħielsa!

Daqshekk huma perikolużi tnejn mill-liġijiet li Peregin jixtieq li d-deputati Nazzjonalisti jagħmlu ħoss bihom.  

Leave a Reply

Your email address will not be published.