Għala l-ispjegazzjoni li ta David Thake għaliex ma ħallasx il-VAT għall-għaxar snin sħaħ mhix konvinċenti għal kollox?

Blog post minn osservatur politiku

L-aħbar prinċipali fil-ġurnal ta’ Saviour Balzan il-bieraħ kienet dik li David Thake għandu jagħti aktar minn nofs miljun euro lid-dipartiment tal-VAT. Il-bieraħ stess, David Thake għamel vlog fejn ammetta li hu żballja anki jekk qal li ma daħħalx il-flus fil-ħin minħabba l-Covid19 u fakkar li l-gvern kien daħħal xi arrangamenti biex jgħin lil dawk li kienu għadhom ma ħallasx lil VAT minħabba l-Covid19. Biss il-problema hawn mhix ta’ Covid19. Skont din l-istorja, dawn l-arrettrati jmorru għall-għaxar snin. Il-Covid19 ilha magħna biss sentejn.

F’dan il-kuntest wieħed jistaqsi kif David Thake għadu ma ppreżentax ir-riżenja tiegħu minn membru tal-Parlament? Nifhem li ssospenda ruħu mill-grupp parlamentari. Biss infakkar li fuq allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa (u mhux VAT), Rosianne Cutajar ġiet mitluba mill-ħbieb ta’ David Thake biex tirreżenja mill-Parlament. Għaliex Repubblika mhux qed tagħmel l-istess talba lil David Thake?

Mela, jekk dak li qed tgħid il-Malta Today huwa minnu, allura ma tantx fadallu għażla dan id-deputat. Tgħid Bernard Grech se jagħmel paragun ma’ Castaldi Paris li għandu somma ta’ 300,000 euro x’iħallas? Mela Thake għandu jagħti 270,000 marbuta ma’ Vanilla Telecoms u 550,000 ma’ Maltashopper Ltd. Dan ifisser li David Thake għandu jagħti t-triplu ta’ Castaldi Paris.

Jekk għal Bernard Grech l-ammont ta’ Castaldi Paris huwa kbir, mela x’se jgħid issa għall-ammont ta’ David Thake? Il-Malta Today qaltilna li “David Thake’s business filed no accounts for 10 years, has €550,000 VAT bill”. Għalhekk għidt li waqt li wieħed jagħraf li dan id-deputat ammetta li żballja, hu impossibbli li taċċetta dak li qal dan id-deputat dwar id-dewmien. Skont Thake dan kien marbut mal-Covid19. Biss din il-kumpanija ilha għaxar snin ma daħħalx l-accounts tagħha.

Wieħed jieħu gost li dan l-MP ser jippreżenta l-accounts li suppost ippreżenta kull sena, sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Imma hija diffiċli biex ċittadin jemmen li hu kien ser iħallas sa l-aħħar tax-xahar anki kieku ma nqabadx. L-impressjoni hija li hu ser iħallas issa għax inqabad. Fuq kollox, qalilna li ser ikun qed iħallas il-penali kollha dovuti wara li ilu jikkommetti żbalji għal għaxar snin sħaħ.

Kemm lill-Malta Today u anki fil-Vlog, Thake spjega li din il-kumpanija tiegħu għandha tagħti dawk l-ammonti kollha, imma insista li kull ma għandu jagħti kellu jiġi diferit minħabba l-iskema tal-Covid li daħħal il-Gvern. Meta tisma’ affarijiet bħal dawn bla ma trid titbissem u tistaqsi, jekk il-Covid ilha magħna biss sentejn, x’għandha x’taqsam ma’ taxxa li ilha ma titħallas sa għaxar snin? Possibbli li jippretendi li dak li suppost ħallas snin wara xulxin għandu jidħol fl-iskema tal-Covid ukoll?

David Thake qed jipprova jilagħbha tal-martri għax qal li dan l-assedju fuqu qed isir għax hu membru tal-parlament tal-Oppożizzjoni. Mela nesa meta kien hemm każijiet simili fuq membri parlamentari tan-naħa tal-Gvern? Kull ċittadin, hu min hu u hi min hi, huwa obbligat li jagħmel dmiru mas-settur finanzjarju u jħallas dak li hu obligat iħallas skond il-liġi. Biss ta’ min ifakkar lil David Thake li la qiegħed fil-Parlament huwa obbligat li jkun ta’ eżempju għaċ-ċittadini kollha u allura ma jħallix is-snin jgħaddu biex iħallas dak li suppost ħallas kull sena lill-iStat.

Leave a Reply