Christian Peregin jitlob lill-membri Parlamentari Nazzjonalisti biex jitkellmu kemm huma magħqudin wara Bernard Grech

Dan is-sit jinsab infurmat li Christian Peregin bagħat jinforma lill-membri Parlamentari Nazzjonalisti biex jgħidilhom ħalli jitkellmu u jgħidu kemm it-tim Nazzjonalista huwa tim magħqud. Infatti dan ġa ħareġ ċar fil-vlog li għamel il-membru Parlamentari David Thake meta sfida lil Robert Abela biex iġib ir-return tat-taxxa tiegħu quddiem il-ġurnalisti. Peregin bagħat dan il-messaġġ il-bieraħ. B’hekk dan il-vlog sar wara li Thake irċieva dan il-messaġġ mingħand Peregin. Fid-diskors tiegħu, Thake għamel aċċenn għall-fatt li l-membri Parlamentari Nazzjonalisti huma tim magħqud wara Bernard Grech. Peregin talab lill-membri parlamentari biex jitkellmu kemm huma magħquda.

Fuq kollox, Christian Peregin qallhom biex jinsistu li Bernard Grech qed jieħu deċiżjonijiet li Robert Abela qed jibża jew mhux qed jieħu. Fil-vlog tiegħu, Thake wassal ukoll dan il-messaġġ meta reġa’ sfida lill-Prim Ministru biex jmorru flimkien quddiem il-ġurnalisti. Din hija xi ħaġa li l-Prim Ministru qed ikaxkar saqajh milli jagħmel.

Imbagħad Peregin fakkarhom dwar il-liġijiet li l-Partit Nazzjonalista jrid iressaq, inkluż dawk marbuta mar-rakkommandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Skont hu, dawn ser jgħinu lil Malta toħroġ mill-lista l-griża, jirranġaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jagħmlu lil Malta pajjiż aħjar u aktar sigur mill-mafja u l-politiċi korrotti li għandna.

Dawn it-tentattivi qed isiru wara li sar magħruf li minkejja l-inkwiet kollu li għandu dan il-gvern, id-differenza bejn iż-żewġ partit għadha waħda kbira ta’ bejn 45000 u 56000 vot waqt li n-nies mhux interessati minn dawn il-liġijiet li jrid iressaq il-Partit Nazzjonalista. Imma skont Peregin, id-deputati għandhom jagħmlu ftit tal-ħoss.

Imma l-ħoss għamlu Thake fuq materja oħra.

L-aqwa li Peregin għadu jaħseb li l-PN irnexxilu jagħmel impatt.

Ma nafx fejn rah l-impatt għaliex is-surveys huma disastrużi.

Dak li jista’ jingħad li Christian Peregin qed jiġbed l-ispagg u Bernard Grech qed jagħmel li jgħidlu Peregin. Bernard Grech irid jiftakar li Peregin għandu kawża għaddejja kontra NET TV biex dan l-istazzjoni jingħalaq. Infakkar li t-Television Nazzjonalista inħoloq biex il-PN jagħmel ħoss. U issa dak li jrid jagħlaq lil NET TV qed jitlob lid-deputati biex jagħmlu ħoss. Ara kif qatt jista’ jkun kredibbli l-Partit Nazzjonalista!

Leave a Reply

Your email address will not be published.