Manuel Delia jerġa’ jattakka lil Adrian Delia meta l-problema tal-PN huwa hu u l-klikka li għandu madwaru
Blog post minn osservatur politiku
Minn x’imkien imwarrab fl-Ewropa, Manuel Delia kiteb biex jagħtina parir kif għandna nivvotaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Minflok ma kien skjett bħal Peppi Azzopardi li qal bla tlaqliq, li biex nagħtu tumakka lil-Labour, irridu bilfors nivvotaw lill-Partit Nazzjonalista, Manuel Delia qagħad idur mal-lewża mingħajr ma jgħid l-inevitabbli: li vot għal Partit Nazzjonalista biss jista’ jneħħi jew jibgħat messaġġ lill-Gvern korrot li jmexxi Robert Abela.
Interessanti kif fl-analiżi tiegħu Manuel Delia kellu bilfors iżeffen lill-Adrian Delia. Bħas-soltu, bl-iżjed mod infami, Manuel Delia jxebbaħ it-tmexxija ta’ Adrian Delia ma’ dik ta’ Joseph Muscat, għax skont hu t-tnejn kienu populisti. Jinjora għal kollox li l-inkwiet li ninsabu fih bħala pajjiż ġej kollu mit-tmexxija ta’ Joseph Muscat u jpoġġi lill-Adrian Delia, li telaq kollox biex jipprova jtejjeb il-Partit Nazzjonalista, fuq l-istess binarju ta’ Muscat.
Manuel Delia jikteb li dawk il-politici bħal Adrian Delia ma jixraqilhomx appoġġ. Jien u naqra dan il-kliem tbissimt, għax bħal donnu ħassejt lil Manuel Delia jagħmel qrara. Għax jekk kien hemm xi ħadd li appoġġja politiku arroganti u mimli bih innifsu kien propju hu li għamel snin twal jirkeb fuq il-karru ta’ Austin Gatt.
Imma kif għandu l-wiċċ jgħidilna lil min għandna nivvotaw meta hu għamel minn kollox biex l-istil arroganti ta’ politika elitista, li kien iħaddan Austin Gatt u l-klikka tiegħu, tibqa’ tirrenja fil-partit u fil-pajjiż?
Fl-artiklu tiegħu, Manuel Delia isemmi wkoll lil Mark Camilleri li ċaħad il-Gvern Laburista għalkemm baqa’ Laburist ferventi. Manuel Delia jikkritika lil Mark Camilleri għaliex dan jgħid li l-poplu għandu jneħħi lill-Gvern ta’ Robert Abela iżda fl-istess waqt ma jridx jammetti li l-Partit Nazzjonalista hu s-soluzzjoni. Manuel Delia jgħid li Mark Camilleri juża l-klassi soċjali bħala skuża għala ma jridx jivvota Partit Nazzjonalista. Jakkużah li ma jridx jammetti l-iżbalji passati tal-Labour.
Imma bl-istess riga, Manuel Delia qatt ma smajnieh jammetti bl-iżbalji li għamel hu u l-Ministru tiegħu fil-passat. Qatt ma ammetta li kienet l-arroganza tagħhom li wasslet biex Lawrence Gonzi jitlef bi 32,000 vot. Qatt ma jammetti li l-froġa tal-Arriva kellha piż kbir fit-telfa li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
Fl-artiklu tiegħu Manuel Delia jfaħħar ħafna lil Simon Busuttil. Jgħid li hu onest u li ħassra li mhux se jkun fuq il-karta tal-vot. Għal darb’oħra jevita li jgħid il-verita. Ma jgħidx li ma riedux Kap lil Simon Busuttil, għax dakinhar in-nies ta’ Austin appoġġjaw kollha lil Beppe Fenech Adami. Ma jgħidx li minflok xammar u mar jgħin lil Simon Busuttil wara t-telfa elettorali tal-2013, ħarab minn Malta u ma riedx ikollu x’jaqsam mal-Partit Nazzjonalista minkejja li kien kandidat fl-elezzjoni.
Dan l-artiklu ta’ Manuel Delia huwa prova oħra tal-ipokrezija ta’ bniedem li juża s-sentimenti tal-oħrajn biex ipaxxi lilu nnifsu. Manuel Delia jitnejjek min ikun fil-gvern ormai. L-aqwa li hu rriabilita lilu nnifsu u għandu merħla ċkejkna ta’ nies li jadurawh.