Il-Pulizija tirtira l-każ fuq “hate speech” kontra grupp ta’ Nazzjonalisti: Bernard Grech jew Emma Portelli Bonnici qalu gidba

Ftit tax-xhur ilu, dan is-sit kienet irrapporta dwar il-każ fejn grupp ta’ Nazzjonalisti ġew mgħajta d-depot għaliex kienu kkummentaw kontra l-kandidata Nazzjonalista, Emma Portelli Bonnici, għaliex ħadet pożizzjoni favur l-abort.  

Portelli Bonnici kienet ħassitha attakkata minħabba li ppronunzjat li hija ‘pro choice’, jiġifieri favur l-abort. Kien hemm reazzjoni qawwija fost il-partitarji Nazzjonalisti għaliex il-pożizzjoni tagħha kienet tmur kontra l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. L-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid b’mod ċar ħafna li dan il-partit huwa favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt. Kien hemm Nazzjonalisti li bir-raġun staqsew u kkummentaw kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jaċċetta fi ħdanu kandidata b’dak it-twemmin. Biss l-aktar kumment li kien ikkonsidrat dispreġġjattiv twassal minn qassis li qies lil dawk li huma favur l-abort bħala mxajtna. Issa biex dawn in-Nazzjonalisti ġew mgħajta d-depot, normalment dan iseħħ għaliex ikun hemm xi forma ta’ rapport lill-pulizija.

X’uħud minn dawk li ġew mgħajta d-depot kienu saħansitra ċemplu d-Dar Ċentrali biex ikellmu lid-diriġenti tal-partit, fosthom il-kap, Dr Bernard Grech u lis-Segretarju Ġenerali, Dr Michael Piccinino. Dawn it-tnejn qalulhom li l-pulizija kienet ħadet azzjoni minn jeddha. F’terminu legali, il-pulizija aġixxiet ‘ex officio’. Dawn il-partitarji ġew assigurati li Emma Portelli Bonnici ma kienetx wara dan ir-rapport lill-pulizija li wassal biex huma jkunu interrogati u mhedda li ser jitressqu l-qorti. L-interrogati aċċettaw il-kelma tal-Kap u tas-Segretarju Ġenerali.

Fl-aħħar siegħat, dawn il-persuni rċevew telefonata mill-istess depot tal-pulizija. Wieħed minn dawk li rċieva din it-telefonata qal lil dan is-sit li  leħen femminili infurmatu li l-każ tiegħu waqaf hemm għax Emma Portelli Bonnici ddeċidiet li twaqqa’ l-każ kontra tiegħu minħabba dak li kiteb fil-konfront tagħha. Fi kliem ieħor, il-pulizija mhux ser tmexxi kontra tiegħu u kontra sħabu.

Minn din it-telefona, dejjem skont x’intqal mid-depot, ħareġ li mhux vera l-pulizija aġixxiet ex-ufficio. Anzi kien hemm persuna li għamel dan ir-rapport lill-pulizija u din il-persuna rtiratu. Skont minn ċempel mid-depot, din il-persuna kienet Emma Portelli Bonnici. 

B’hekk din it-telefonata li saret f’dawn l-aħħar siegħat titfa’ dubji serji fuq il-verita tal-fatti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u esponenti għoljin tiegħu. Dan ifisser li d-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista ppruvaw jgħattu lil Emma Portelli Bonnici. Issa ħareġ ċar li hija waqqgħet il-każ. Allura ebda passi m’hu se jittieħdu kontra dawk li kitbu u ġew interrogati.

Infakkar li skont Michael Piccinino, hu kien qal li tkellem ma’ Emma Portelli Bonnici għal diversi drabi u din ikkonfermatlu li hi ma għamlet l-ebda rapport mal-pulizija. Mit-telefonata rriżulta mod ieħor. Nistgħu nkunu nafu min qed jgħid il-verita’ u min qed jigdeb? Xi ħadd x’imkien mhux qed jgħid is-sewwa.

Hija din it-tip ta’ evidenza li titfa’ fl-abbissi kwalunkwe partit politiku. Partit politiku ma għandux jilgħab bil-kliem f’affarijiet hekk serji. Huwa dan it-tip ta’ diskorsi li jdaħħlu dubji lejn il-persuni li qed imexxu lill-Partit Nazzjonalista. Tasal biex tikkonkludi li ż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma u l-verita’ llum jew għada se toħroġ. Allura b’dawn l-affarijiet tista’ tlum lin-Nazzjonalisti li ma jistgħux jorbtu fuq diskorsi mistqarra min-nies li lesti jilgħabu mal-verita’ tal-fatti? Hawn tiġi għall-mistoqsija prinċipali u importanti. Jista’ l-Partit Nazzjonalista jħalli xi ħaġa serja bħal din għaddejja qiesu ma ġara xejn? Jekk tirriżulta li din il-kandidata ma stqarritx il-verita’ mal-kap tagħha, tista’ din tibqa’ tiġi fdata fil-partit? Tista’ din tibqa’ kandidata tal-Partit Nazzjonalista? U jekk din qalet il-verita’ lill-kap tal-partit u dan dawwar din il-verita’ biex jgħatti l-fatti mill-partitarji tiegħu, jista’ dan jibqa’ jkun fdat mill-istess partitarji tiegħu?

Leave a Reply