Meta avukat jiddefendi l-indifensibbli

Minn osservatur politiku

Il-bieraħ, il-Partit Nazzjonalista ta konferenza stampa dwar it-tberbiq tal-flus min-naħa tal-Gvern. Din il-konferenza kienet indirizzata minn Dr Joe Giglio u Dr Joseph Grech. Dan l-artiklu se jittratta r-risposta li ta Dr Grech lill-ġurnalist tal-ONE li kellha x’taqsam mal-problema ta’ taxxa li għaddej minnha David Thake.

Dr Joseph Grech prova jirrispondi l-mistoqsija mingħajr ma’ ta risposta. Tant kienet banali fit-tweġiba tiegħu li ma għamlitx sens. Il-ġurnalist tal-ONE staqsa hekk:

Tkellimt ħafna fuq korretteżża fuq dan ir-rigward, fil-fatt. Il-Partit Nazzjonalista għaliex qed jiddefendi lid-deputat tiegħu David Thake? Qed jiddefendih għaliex huwa bħal Kap Bernard Grech, jiġifieri ma ħallasx it-taxxa jew għax se jħallasha wara li nqabad?

Dr Joseph Grech irrisponda hekk:

Grazzi tal-mistoqsija tiegħek. Naħseb illi David Thake, insellimlu minn hawnhekk, diġa’ spjega fiċ-ċar x’kienet is-sitwazzjoni tiegħu. Tajjeb illi nsemmi illi David Thake iddikjara propju hu stess dawk il-flus fir-returns kollha tiegħu u talab anzi illi ssir investigazzjoni fuqu stess. Fejn inti semmejt ukoll il-Kap tal-Partit illi wkoll spjega kemm-il darba minkejja n-narrattiva tagħkom, is-sitwazzjoni tat-taxxa tiegħu u li tħallset kollha t-taxxa tiegħu għad-differenza illi rrid ngħid il-Prim Ministru tal-Gvern Laburista illi sal-lum il-ġurnata għadu ma ppubblikax id-dokumentazzjoni tiegħu fejn tidħol it-taxxa illi hu kellu jħallas u allura naħseb ir-risposta hemmhekk jekk il-ONE jrid jibqa’ bin-narrattiva illi qed jipprova jdaħħal din iż-żerriegħa mela allura r-risposta tiegħi mhux ser togħoġbok pero r-risposta tiegħi hija ċara u David Thake għamel l-ispjegazzjoni tiegħu wkoll.

Kulħadd għadu kif qara t-tweġiba kelma b’kelma u kulħadd jista’ jikkonkludi li ma hemm ebda risposta f’dik it-tweġiba. Suppost irridu nieħdu l-kliem ta’ Dr Grech bħala veritiera għax David Thake diġa’ għamel l-ispjega tiegħu fejn qal li ddikjara l-flus kollha fir-returns tat-taxxa u kollox verita’ għax l-istess Thake talab li ssir investigazzjoni fuqu stess. Dan huwa repetizzjoni ta’ kliem li qal David Thake għax sab ruħu dahru mal-ħajt. X’seta’ jagħmel David Thake meta nqabad li għandu jagħti kwart ta’ miljun euro lid-dipartiment tat-taxxa?

Biss imbagħad wera n-nuqqas ta’ maturita’ politika tiegħu, li biex jipprova jiddefendi l-indifensibbli, peress li hemm żgur żball kbir min-naħa ta’ sieħbu, ħaseb li se jerbaħ l-argument billi rama jattakka lill-Prim Ministru fuq it-taxxa tiegħu. Fi kliem ieħor, iġġustifika għemil ħażin għaliex ħaddieħor jista’ qed jagħmel l-istess. Jogħġbu l-proverbju ingliż Dr Joseph Grech ‘the best line of defence is to attack’. Biss din id-darba ma kien konvinċenti xejn Dr Joseph Grech bis-suppost tweġiba li huwa ta lil tal-ONE. Kif intqal f’dan is-sit, din il-kwistjoni tat-taxxa ser tibqa’ tiġri politikament wara Dr. Bernard Grech. Infakkar f’li jgħid il-Malti. Żball ma jirranġax bi żball ieħor.

One comment

Leave a Reply