Where your opinion counts

‘L-Epifanija tal-Caravaggio’ u l-house visits pre-elettorali!

Blogpost minn Dr. Hermann Farrugia

Illum, id-dinja Kattolikia tiċċelebra s-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej. Illum ġieni ħsieb dwar sinifikat kurjuż anke jekk forsi xi naqra imġebbed ta’ din is-solennità fis-sena 2022, hekk kif addattajtu għas-sitwazzjoni attwali fejn fi gżiritna qed iseħħ intensifikar tal-isforzi pre-elettorali permezz ta’  żjajjar familjarji u viżti lill-kostitwenti ġewwa djarhom. Il-pittura hawn annessa li tinsab esposta fil-Mużew Reġjonali tal-Arti ġewwa Messina hija partikulari ħafna u għandha korrelazzjoni mal-osservazzjoni li nixtieq inwassal fl-okkażżjoni tal-lum.

Mela l-pittur ćelebri Mikelangelo Merisi da Caravaggio kien lesta dil-opra majestuża’ ta’ arti sagra proprju sena qabel ma’ miet fl-1610. Li hu kurjuż u anke eċċezzjonali huwa l-fatt li għalkemm issemmiet ‘L-Adorazzjoni tar-Rgħajja’, ġie imfissra minn studjużi illustri li l-intenzjoni preċiża tal-artist kienet li dawn it-tliet rgħajja jigu jidhru u anzi faċilment jiġu mxebbħa ma’ persuniet tat-tliet slaten maġi nfushom. Għalhekk waqt li Caravaggio deherlu li kellu ipittirhom bħala persuni komuni, sempliċi u ġwejda madankollu irnexxilu jirrappreżenthom fl-istess xeħta ta’ għaġeb u riverenza donnha dik li kienu wrew it-‘Tré Ré’ malli kienu ġew wiċċ imb’wiċċ mad-dehra tat-tarbija divina, hekk kif ġiet esposta u manifestata lilhom.

Mela, kuntrarju għax-xeni artistiċi tipiċi tal-Epifanija, minflok ma tpoġġew f’qagħda pompuża, huma u joffru lill-familja mqaddsa r-rigali tagħhom ta’ deheb, inċens u mirra, dawn pittirhom ‘umli’ għall-aħħar, mingħajr pretensjonijiet ta’ għerf, lussu ta’ lbies jew ossija ‘rigali’ prezzjużi. Caravaggio fissirhom b’idejhom vojta. B’umilta’ u semplićita’ kulma jidher li setgħu joffru kienet proprju d-disponibilita’ naturali ta’ persunthom stess.

Manifestament, hekk kif ġej fi tmiemu l-istagun tal-festi tal-Milied, il-kandidati prospettivi jerġgħu jirħula individwalment mal-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Indubbjament ser ikomplu jitperrċu mal-erbat irjiħat kemm jekk bnazzi jew jekk jinżerta maltemp xitwi. Mingħajr ma jridu, iċ-ċirkostanzi elettorali jeżiġu minnhom li joħolqu ambjent ta’ kompetizzjoni sfrenata permezz ta’ dawn l-inkontri personali li jiġu skedati metikolożament: vjal, vjal, triq triq, sqaq wara l-ieħor.

Ħaġa naturali kif dal-laqgħat mal-kostitwenti, ġodda u antiki, spiss jaslu jieħdu xejriet pjuttost strambi fejn titħalla tixxellef għal ftit ħin l-intimita’ ġewwinija li joffru djaret il-popolin. Anke jekk f’dan ix-xenarju partikulari, l-iskop speċifiku ta’ dawn il-viżti ikun individwalista’ aktar milli purament altruwist, l-attitudini li tintwera minn min ikun ġie milqugħ ġol-qalba tal-familja għandha dejjem tibqa’ imsejsa fuq il-logika, ir-rispett personali u s-solidarjeta’ umana.

Ser jinżamm ‘l bogħod kemm jista’ ikun lingwaġġ fil-vojt xprunat biss minn imġiba servili u lagħqija? Wegħdiet sempliċistiċi u fiergħa li jittantaw jilqgħu għal ‘tamiet surreali’ u għal ‘aspettattivi egoistiċi’ tal-eletturi u meta isiru kif ġie ġie u ta’ fejn laqat laqat, mhux talli fil-ġurnata tal-lum m’għadhomx jitwemmnu iżda jispiċċaw ikunu elettoralment kontraproduċenti għall-aħħar.

Mela j’Alla l-politiċi tagħna, kemm dawk ta’ esperjenza kif ukoll żgħażagħ, jagħrfu jimmoderaw ruħhom billi jispiraw ruħhom minn dil-opra illustri ‘L-Adorazzjoni tar-Rgħajja’ li tista’ titqies ukoll bħala ‘L-EPIFANIJA’ tal-CARAVAGGIO.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *