Il-ħaddiema tal-paga ma jkollhomx x’irranġaw mad-Dipartiment tat-Taxxa

Minn osservatur politiku

Bernard Grech qalilna li kulħadd, b’xi mod jew ieħor, ikollu xi darba nuqqas ta’ ftehim mad-dipartiment tat-taxxa u dan qalu biex jgħatti xturu. Qalilna wkoll li dejjem ser jkun hemm xi ħadd li jinsa jiddikjara xi ħaġa mad-dipartiment tal-VAT jew tat-taxxa u din ukoll intqalet biex jgħatti xturu. Qalilna wkoll li hemm differenza bejn dawk li jkollhom jagħtu ħafna u dawk li jkollhom jagħtu ftit u dejjem dan intqal biex jgħatti xturu. Qalilna wkoll li meta jiġri dan kull min naqas imur id-dipartiment u jirranġa s-sitwazzjoni tiegħu.

Kemm jaf jirraġuna fejn irid. Kemm jaf inaqqas l-effett tal-iżball meta jkun jikkonċerna lilu. Kemm qiesu xejn mhu xejn għax 60,000 euro hija kkonsidrata somma żgħira meta mqabbla mat-300,000 euro ta’ Ciscaldi Paris.

Issa għandu xi ħadd mill-grupp parlamentari tiegħu li għandu problema ta’ ftit inqas minn 300,000 euro. Mela allura Dr Grech ma jistax juża l-argument li s-somma dovuta minn David Thake hija somma żgħira.

Infakkar li Bernard Grech talab ir-reżenja ta’ deputat Rosianne Cutajar mill-parlament fuq allegat nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa fuq somma ta’ 50,000 liema taxxa, skont l-istess Rosianne cutajar tħallset minn Charles it-Tikka.  Infakkar li l-Partit Nazzjonalista kien għamel storja fuq t-taxxa b’lura li kellu jagħti ADrian Delia u dan kien ġej minħabba s-separazzjoni li kien għaddej minnha.

Min jirraġuna bil-mod kif irraġuna Bernard Grech ma hu qed jifhem xejn. Min jgħid li hawn ħafna li għandhom dawn il-problemi lanqas ma hu qed jifhem xejn. Għaliex hawn għandna eżempji li ġejjien minn min suppost qiegħed hemm biex jagħti eżempji tajba u mhux eżempju ta’ tiċpis serju mad-dipartiment tat-taxxa.

Qed nitkellmu fuq rappreżentanti tal-poplu li jitilgħu fl-għola istituzzjoni biex ikunu ta’ eżempju tajjeb mhux jagħtu l-impressjoni, li għaliex huma parti minn din l-istituzzjoni, jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. B’hekk fuq dan l-argument għandha tintalab ir-reżenja u kull minn hu b’xi mod involut għandu jwarrab.  

Jekk Bernard Grech irid ikun sinċier irid isostni li d-deputati tiegħu suppost jagħtu eżempju u mhux jippriedkaw ir-rettezza u l-eżattezza u fuq livell personali jagħmlu diffferenti.

Dawn id-deputati ma jistgħux jużaw riga għalihom u riga għal ħaddieħor. Jekk Bernard Grech qed isib il-konsulazzjoni li kulħadd jevadi xi ftit it-taxxa, qed jagħmel ħażin ħafna għax anke bi kliemu qed jibgħat messaġġ nieqes mill-ġustizzja.

Irid jiftakar Bernard Grech li l-politiku mhux qiegħed hemm biex iħaddan il-ħażin u jipperpetwah, imma jrid ikun hu li jagħti l-eżempju lin-negozjant u lill-poplu ġenerali, speċjalment lill-ħaddiem. Bernard Grech irid jiftakar li l-ħaddiem ma għandux il-lussu li jħallas meta jrid hu, imma malli jieħu l-paga, il-ħaddiem joħodha netta, allura nieqsa mill-ħlas tal-bolla u tat-taxxa. Il-ħaddiem ma jistax iħalli t-taxxa għaddejja u forsi jħallas meta jkun komdu. Il-ħaddiem diffiċli li jakkumulawlu kontijiet ta’ taxxa għax jittieħdulu mall-paga. Il-ħaddiem ma għandu ebda lussu li jitfa’ flejjes x’imkien biex jaħbi l-introjtu tiegħu. Ma jistax jaħbi dak li jaqla’ biex ma jinqabadx mid-dipartiment tat-taxxa, bħalma rajna jsiru b’kontijiet fil-Panama u f’postijiet oħra.

Mela meta Bernard Grech jiftaħ ħalqu, jrid ikun ċert li bi kliemu ma jkunx qed jibgħat messaġġ ta’ laissez-faire jew kulħadd jagħmel li jrid imbagħad naraw jew dak li jgħodd għad-deputati tal-gvern ma jgħoddx għad-deputati tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *