Where your opinion counts

Wasal iż-żmien li David Thake jitlob apoloġija pubblika lil Adrian Delia

David Thake qalilna f’Facebook post li tella’ li “Robert Abela qed jibqa’ jagħżel li jkun kompliċi f’deal korrott” b’referenza għad-deal tal-isptarijiet. Min fejn sar jaf li d-deal tal-isptarijiet hu korrott? Tgħid sar jaf minn dak li ħareġ mill-kawża l-qorti li fetaħ Dr Adrian Delia? Hawn għandna konferma li David Thake qed isir jaf bid-deal korrott għax qed joħorġu aktar dettalji. Huwa kiteb li:

Aktar ma jiġu żvelati dettalji dwar id-deal korrott tal-isptarijiet aktar qed ikun konfermat li l-kuntratt mal-Vitals hu kuntratt mnawwar minn kullimkien”.

Mela veru qed jikkonferma li ħafna milli qed jiġi svelat qed jasal għand il-poplu grazzi għall-kawża li fetaħ Dr Adrian Delia. Għalhekk wasal il-mument li David Thake jagħmel apoloġija pubblika lil Adrian Delia għal ħsara kollha li għamillu. Dan mhux il-każ li David Thake jaqa’ għall-ħabba tas-sultan u jammetti. Dan mhux il-każ, li David Thake jagħti l-kredtu lil Dr Delia wara dik il-ħsara kollha li għamillu u ħadem kemm felaħ biex itajru. Dan hu punt tal-irġulija. David Thake kompla jgħid li

Il-piki bejn il-kuntratturi involuti f’dan id-deal qed iwasslu biex ikompli jinkixef aktar ħmieġ u taħwid. Serq mingħand il-poplu Malti u Għawdxi”.

Dażgur li qed ikomplu jidhru l-problemi bejn il-kuntratturi involuti. Imma David Thake irid ikun sinċier u jammetti li din l-informazzjoni bdiet tiġi svelata waqt li ċertu xhieda kienu fuq il-pedana jwieġbu l-mistoqsijiet ta’ Dr Adrian Delia u l-avukati tiegħu. Mela anki huwa jrid jinża’ mill-pika li kellu lejn Adrian Delia u jammetti li kien żballjat fil-konfront tiegħu. David Thake kompla jikteb li:

Fl-aħħar minn sensiela, illum sirna nafu li dokumenti importanti mhux se jkunu esebiti fil-qorti sabiex ma tinħoloqx kontroversja politika”.

U min daħħal lill-kuntratturi involuti f’dan it-taħwid bejniethom fil-qorti? Min ġab lil dawk involuti jitkellmu kontra xulxin waqt is-seduti tal-qorti? Tgħid jammetti xi darba David Thake li dan kollu qed ikun żvelat grazzi għal Adrian Delia? Tgħid jasal biex jitlob skuża lil Adrian Delia?

Thake kompla jgħid li l-Prim Ministru qed jinjora l-fatti. Jista’ jgħid David Thake liema huma dawn il-fatti li qed jinjora Robert Abela u jgħid ukoll min tela’ fuq il-pedana tal-qorti u xehed kontra dak li qal sieħbu, li kien bil-qiegħda miegħu waqt il-laqgħat tal-kabinett? David Thake kompla jgħid fil-Facebook post tiegħu li:

Robert Abela u l-gvern Laburista qed jibqa’ għaddej u jinjora l-fatti”.

Ara xi ħlew x’kompla jgħidilna David Thake. Qalilna li Robert Abela se jibqa’ għaddej u jagħti l-flus lil Stewards għal deal maħmuġ u korrott. Jista’ jgħidilna min tkellem fil-Parlament u reġa’ għamel kawża oħra l-qorti biex juri li d-deputati kollha min-naħa tal-Gvern se jinżammu kollha responsabbli għal vot tagħhom li ħadu favur il-budget, speċjalment fuq dak tas-saħħa?

Jgħaddi l-flus lil deal korrott u mhux tenibbli biex b’din l-attitudni jkomplu jkunu kompliċi għas-serq ta’ miljuni minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi”.

Kapaċi jgħidilna u jistqarr li Dr Adrian Delia wettaq dan kollu li qed jgħid Thake? Tgħid kapaċi David Thake jibla’ s-suppervja tiegħu u jammetti li li kieku ma kienx għal Adrian Delia, ħafna mill-ħniżrijiet ta’ dan il-kuntratt baqgħu mistura? Kapaċi jitlob lil Adrian Delia apoloġija?

Araw x’vilta! Araw kif spiċċa l-post tiegħu David Thake. Huwa qal hekk: “Partit Nazzjonalista fil-Gvern iwiegħed li jerġa’ jagħti lura l-isptarijiet lill-poplu Malti u Għawdxi”. Issa l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed? Fejn kien il-Partit Nazzjonalista meta fetaħ il-kawża Dr Adrian Delia? Għaliex il-Partit Nazzjonalista ħallieh waħdu lil Adrian Delia? Għax ma ngħaqadx ma’ Dr Delia kif daħal fil-Parlament David Thake biex isostnieh fil-ġlieda tiegħu biex jagħti l-isptarijiet lura lill-Maltin u lill-Għawdxin?

Aktar minn qatt qabel, David Thake għandu japoloġizza lil Adrian Delia.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *