L-għajdut huwa li Silvio Grixti ġie sfurzat biex jirreżenja.

Li t-tabib Silvio Grixti kien maħbub fost il-Laburisti hu fatt magħruf. Anzi kien hemm min ikoreġini meta jien ktibt li Grixti kien maħbub mill-Laburisti. Xi ħadd qalli mhux mill-Laburisti biss kien maħbub imma anki min-Nazzjonalisti għaliex kien jaqdi u jgħin lil kulħadd.

B’hekk ħafna Laburisti qed jistaqsu kif il-Partit Laburista ma qabiżx għat-tabib Silvio Grixti? Fuq kollox, dwar dak li ġie akkużat bih, jiġifieri li ħareġ ċertifikati tas-saħħa foloz, kien hemm akkużi simili fil-passat kontra tobba li huma membri parlamentari Nazzjonalisti. Imma dawn qatt ma rreżenjaw jew ġew sfurzati biex jirreżenjaw. Mela għaliex it-tabib Silvio Grixti irreżenja?

L-għajta fost il-Laburisti infushom hija li Grixti ma rreżenjax. Hu ġie mġiegħel jew sfurzat jirreżenja mill-Prim Ministru nnifsu. Uża din l-istorja taċ-ċertifikati tas-saħħa bħala skuża biex ikollu ċans jikkoptja lil ħadd ieħor. Sa hawn ma qed ngħid xejn ġdid. Imma dak li qed jingħad fost il-Laburisti huwa li din l-istorja kontra Silvio Grixti ma ħarġitx mill-Oppożizzjoni imma ħarġet minn Kastilja. Fi kliem ieħor kien xi ħadd minn Kastilja kkoordina dan kollu biex din l-istorja tikber, toħroġ fuq il-media u b’hekk tiżdied il-pressjoni fuq id-deputat Laburista Silvio Grixti.

Hemm min saħansitra qed jallega li l-Prim Ministru nnifsu qiegħed pressjoni fuq Grixti li jekk huwa ma kienx ser jirreżenja, kien ser ibati l-konsegwenzi. Fuq kollox, dan is-sit jinsab infurmat li din it-tattika li ntużat kontra tabib ieħor, jiġifieri Etienne Grech li wkoll kien ġie sfurzat biex jirreżenja mill-Parlament. Infakkar li l-verzjoni li ngħatat kienet li Grech irreżenja minħabba raġunijiet personali.

Fuq kollox, dan is-sit hu infurmat li lil Silvio Grixti twaqqaflu l-introjtu li kellu minn Transport Malta wara li Robert Abela sar Prim Ministru. Biss lill-ħaddieħor, inkluż deputati oħra le.

Dak li jista’ jingħad hu li l-media qalulna li Grixti qiegħed fuq police bail. Biss wara din ir-reżenja ma smajna xejn aktar fuq dan il-każ mill-pulizija. Kollox waqa’ fuq ommu. Għalhekk, hu importanti li l-Prim Ministru joħroġ nadif minn dan kollu. Jekk le qed jipprepara għat-tmiem tiegħu stess u tal-Partit Laburista li hu jmexxi. Dan mhux ser jiġri għada imma ż-żerriegħa ġa bdiet tinżera’.  “Min għandu widnejn ħa jisma” (Matthew, 13. 9).

Leave a Reply

Your email address will not be published.