Il-Prim Ministru jċedi għal pressjoni u jagħżel lil Andy Ellul

L-għażla ta’ Andy Ellul ma kienetx fuq il-karti tal-Prim Ministru. Il-media stess bdiet tagħti ismijiet oħrajn ta’ persuni li l-Prim Ministru xtaq jagħżel flok id-deputat Silvio Grixti. Biss din id-darba l-Prim Ministru ġie dahru mal-ħajt. Kieku ma għażilx lil Andy Ellul, kien ikun qed isaħħaħ l-argument li l-Prim Ministru ma jridux. Għaliex qed ngħid dan?

Qed ngħidu għaliex din hija t-tielet darba li seħħet vaganza ġewwa distrett elettorali li hemm marbuta l-kandidatura ta’ Andy Ellul. L-ewwel darba kienet ir-reżenja tat-Tabib Etienne Grech li tela’ fir-raba’ distrett. Andy Ellul kien il-kandidat li kellu ċans jitla’ kieku saret elezzjoni każwali. Biss il-Prim Ministru Robert Abela ddeċida li jmur għall-għażla ta’ Miriam Dalli.

Din ma kienetx l-uniku vaganza li ġiet ikkreat u Andy Ellul inqabeż. Imbagħad ġiet il-vaganza ta’ Manuel Mallia. Mallia ma kienx mir-raba’ distrett, imma minfloku ntgħażel kandidat mir-raba’ distrett, jiġifieri Jonathan Attard. B’hekk Andy Ellul inqata’ barra minn fuq dan id-distrett.

Jidher li dawn l-għażliet wasslu biex Andy Ellul ma jibqax aktar kandidat fuq ir-raba’ distrett. Iddeċida li jibdel id-distrett elettorali tiegħu u jikkandida ruħu fuq l-ewwel u t-tielet distrett. Ġara li anki fit-tielet distrett ġie vaganza. Peress li ħadd mill-kandidati li ħarġu fuq dan id-distrett ma tefa’ ismu, ġiet maħluqa sitwazzjoni għal co-option fil-parlament.

Għat-tielet darba deher li Andy Ellul ma kienx ser ikun co-opted tant li anki ssemmgħu ismijiet oħrajn fosthom oħt il-mara tal-Prim Ministru biex tieħu post Silvio Grixti. Saret pressjoni fil-media u anki fis-social media favur Andy Ellul. Din id-darba, il-Prim Ministru kellu jċedi għall-pressjoni li saret u għażel lil Ellul. Kieku ma għażlux, verament kien qed ikun jibgħat messaġġ li lil Ellul ma jridux fil-parlament.

Leave a Reply

Your email address will not be published.