L-esperjenza hija importanti fil-politika: b’hekk kandidati u deputati qodma għad għandhom x’joffru

Blog post minn osservatur politiku

Bħala l-ewwel blog tiegħi għal din is-sena l-ġdida, nixtieq nitkellem ftit fuq l-għażla tal-kandidati għall-elezzjoni li ġejja. Illum qed jintbagħat messaġġ miż-żewġ partiti l-kbar li l-esperjenza kollha tal-politiċi tal-lum u tal-bieraħ għandna narmuha u ma nutilizzawhiex.

Huwa tajjeb li jinstabu u jiġu msejħa nies li jixtiequ jersqu lejn il-politika. Biss ta’ min ifakkar, lil dawn in-nies interessati, li l-mixja politika mhux xi tazza te, imma mimlija bi sfidi li jitolbu sagrifiċċji, impenn u dedikazzjoni.

Kull membru tal-Parlament huwa mitlub li jagħmel riċerka fuq is-suġġett diskuss fil-plenarja u dak jirrikjedi ammont ta’ ħin biex isiru l-preparamenti. Jitlob minn kull rappreżentant tal-Kamra tal-Parlament ħin dedikat għal ħsieb biex isiru d-diskorsi li jsiru fil-plenarja.

Pajjiżna minħabba ċ-ċokon tiegħu ma jagħmilx tajjeb li jarmi l-esperjenza ta’ ċertu membri u jipprova jibbaża kollox fuq politiċi ġodda u allura b’esperjenza limitata. Hemm bżonn li nibżgħu għal kulħadd għax ħadd ma hu għar-rimi.

L-esperjenza ta’ wħud hija tant bżonnjuża f’pajjiżna u biex jissaħħaħ dejjem iżjed il-livell politiku, l-esperjenza għandha tingħaqad ma’ demm ġdid u ta’ ċertu stoffa, li lesti li jissagrifikaw ħinhom għas-servizz tal-poplu kollu. Biss ejja naraw ħaddieħor kif jaħdem billi nieħdu l-eżempju tal-Italja.

Araw min hu fit-tmun bħalissa fil-pajjiż viċin tagħna. Hemm Mattarella bħala President, politiku li għandu 80 sena u li qed jippruvaw jikkonvinċuh biex jibqa’ President għal terminu ieħor. Prim Ministru għandhom lil Draghi li wkoll għandu l-eta’ tiegħu għax għandu 74 sena. Anke hawn dan il-politiku, aktar teknokratiku, qed jaqla’ ħafna tifħir. Saħanistra The Economist għaddiet rimarki sbieħ ħafna fuq il-Prim Ministru tal-Italja.

Tgħid pajjiż bħal dak ma setgħux sabu politiċi aktar żgħażagħ fit-tmexxija? Imma għal ġid tal-pajjiż kien hemm bżonn li jħarsu lejn l-esperjenza għal pożizzjonijiet bħal dawn. Mela pajjiżna li għandu l-limitazzjonijiet tiegħu ma jistax jarmi lill-politiċi kollha.

Biex inkunu ċari ħadd ma għandu d-dritt għal ċens perpetwu. Għax min jisgarra għandu jieħu dak li jkun ħaqqu mingħajr ħafna skużi jew manuvri. Kull min jitbiegħed mit-triq tar-rettezza għandu jiġi muri l-bieb ta’ barra u jekk ma jwarrabx jitwarrab. Imma Malta għandha x’takwista jekk tħallat il-ġdid mal-esperjenza. L-entużjażmu taż-żgħir jew tal-ġdid għandu jinħema fl-esperjenza tal-iktar matur u b’hekk ikun hemm dik it-taħlita neċessarja għall-ġid tal-pajjiż kollu.

Leave a Reply

Your email address will not be published.