Waqt li l-PN qed jiddefendi lil David Thake, il-Partit Laburista ser imur għal co-option oħra.

Min jiddefendi l-indifensibbli biex ikompli jitfarrak u min jikkonvinċi ħalli jibni. Din hija d-differenza li qed toħroġ f’għajnejn in-nies, anki jekk forsi mhix minnha, aktar ma jgħaddi ż-żmien u jittieħdu deċiżjonijiet politiċi miż-żewġ mexxejja taż-żewġ partiti l-kbar.

Waqt li huwa fatt li ż-żewġ mexxejja qed jagħmlu sforz biex joħorġu mid-dell tal-mexxejja ta’ qabilhom, Robert Abela qed jirnexxilu juri superjorita’ fuq Bernard Grech, anki jekk għadu ma ssuperax il-legat li ħalla Joseph Muscat fil-Partit Laburista.

Araw x’għamel il-kap tal-Oppożizzjoni meta ħareġ l-iskandlu ta’ David Thake. Flok qallu biex joqgħod kwiet u jisparixxi, billi jwarrab sa x’ħin tiċċara s-sitwazzjoni li kixfulu fuq it-taxxa, ħareġ jiddefendih. Donnu xi ħadd mill-ewwel fakkru li dak kien wieħed minn dawk id-deputati li lagħab parti importanti ħafna fil-kampanja tiegħu biex isir kap. Qalulu wkoll li kien hu u sħabu li organizzaw il-crowd funding biex Dr Bernard Grech stess seta’ jħallas l-ammonti pendenti ta’ taxxa neċessarji.

Għal kuntrarju, il-Prim Ministru jidher li għamel użu mil-virtu’ tal-konvinzjoni jew aħjar ngħidu li ħataf l-okkazzjoni biex ikkonvinċa jew induna li kien hemm apatija fost il-kandidati mhux eletti, u b’hekk ħadd mill-kandidati tat-tielet distrett ma spiċċa jikkontestaw għal post li ħalla vojt Silvio Grixti.

Għal darba oħra, Dr Abela se jerġa’ jikkooptja persuna ġdida fil-parlament biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx ma dawn l-affarijiet. Biss ir-riżultat ser ikun li Robert Abela ser jkompli jdawwar lilu nnifsu b’nies li huma leali u li lesti li jaħdmu għalih.

Min-naħa l-oħra, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għadha mitlufa. Il-Partit Nazzjonalista għadu kkakkmat b’nies li kienu kaġun ta’ diviżjoni interna qawwija fil-istess partit.

Hawnhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef okkażżjoni fejn seta’ ħeġġeġ ir-riżenja ta’ wieħed mid-deputati li kien fattwalment ovvju li kien u għadu bniedem diviżiv u kien iressaq persuna ġdida lejn il-parlament biex juri li l-għan aħħari tiegħu huwa li veru jara lill-Partit tiegħu jersaq iżjed lejn l-imbierka għaqda.

Robert Abela jidher ċar li qed jaħtaf kull opportunita’ tad-deheb li tiġi quddiemu. B’kull mossa li jrid jagħmel irid juri li għandu team b’saħħtu mdawru. Minn naħa l-oħra, l-immaġni li Bernard Grech qed iħalli tiegħu nnifsu hija dik ta’ persuna dgħajfa. Mexxej ta’ veru fil-Partit Nazzjonalista llum irid ikun wieħed li juri li għandu l-kwalitajiet biex jitbiegħed mill-ankri li kellu mqabbdin mal-mexxejja ta’ qablu. B’hekk biss jista’ jissupera l-legat ta’ Adrian Delia.

Bernard Grech għandu bżonn immedjat li jiddawwar b’nies li jħarsu lejn it-tmexxija tiegħu b’aktar impenn u li lesti joffru l-appoġġ mingħajr kondizzjonijiet u li juru li huma ma għandhom ebda dnub mejjet jew venjal li jista’ jħammrielhom wiċċhom.

Dik hija tmexxija ta’ kwalita’. Dawn huma deċiżjonijiet li jsaħħuk. Bħalissa Robert Abela qed jilgħab il-logħba politika ħafna aħjar mill-avversarju tiegħu Bernard Grech.

One comment

Leave a Reply