Tar-Repubblika ser jgħajtu għar-reżenja ta’ David Thake wara li nstab li evada t-taxxa?

Min jitkaża jaqa’ fil-każa jgħid il-Malti. U hekk ġralu David Thake. Araw min mexxa l-kampanja kontra Adrian Delia fuq it-taxxi! Dan huwa l-istess bniedem li kien għamilha l-missjoni tiegħu li jkisser lill-kap tiegħu, Adrian Delia, billi jipprova kontinwament jamplifika n-nuqqas li Delia kellu mad-dipartiment tat-taxxa meta kienet ċara li r-raġuni kienet is-separazzjoni.

Imma issa Thake għaddej minn problema simili. Issa jridna nemmnu l-iskużi tiegħu. Irid jipprova jikkonvinċina li r-raġunijiet tiegħu huma validi u ta’ min jemminhom. Mela dak li jleqq għal ħaddieħor ma jleqqx għalih. Ir-raġunamenti ta’ ħaddieħor ma kienux tajbin imma tiegħu għandna naċċettawhom.

Irid ikollok wiċċek ma jafx jistħi. Irid ikollok wiċċek joqgħodlok. Irid wiċċek u l-għadba tal-qorti jkunu l-istess biex tipprova tikkonvinċi li ta’ wieħed huma dnubiet mejta u ħaqqu ġustizzja u tiegħu huma dnubiet venjali u noħduhom ta’ li huma affarijiet żgħar.

Jista’ jivvinta l-iskużi kollha taħt il-kappa tax-xemx għax ma aħna se neċċettaw ebda skuża minn għandu. Il-kwart ta’ miljun li għandu jagħti lit-taxxa huwa ammont iebes għal kull bniedem ieħor u mhux se jipprova jnaqqas mill-iżbalji, jew xi ħaġa oħra, li qed jipprova jgħatti.

Mela hekk sewwa, qabel kien skandalizza ruħu għax Delia kien qed jiltaqa’ ma’ tat-taxxa biex jasal f’arranġament, imma issa hu ilu għal xi ġimgħat jiddiskuti kif se jasal għall-pagamenti bi ftehim ma’ tat-taxxa stess. Thake ma jistax jinħeba min-nuqqasijiet tiegħu għax il-kumpanija msemmija hija tiegħu u f’ismu. Barra minn hekk, qed ikun imxandar li dawn in-nuqqasijiet fil-ħlasijiet tat-taxxa ilhom għaddejjin snin.

Thake qed jammetti hu stess li n-nuqqas immedjat tiegħu huwa ta’ kważi €175,000 u għandu ammonti oħra li jridu jitħallsu aktar tard minħabba l-miżuri fiskali introdotti mill-Gvern. Kompla jgħidilna li meta ħarkuh biex jidher il-qorti, il-pulizija kienu għamlu żball u, dejjem skond Thake, dawn l-akkużi ġew irtirati.

X’ser jagħmel issa Dr Bernard Grech? Kulħadd jiftakar il-pożizzjoni li Bernard Grech fil-parlamentkontra Ian Castaldi Paris għax wasal f’arranġament biex iħallas €300,000 u kemm stqarr li dawn huma ammonti kbar u ma jistax ikun li dan ma jiġix investigat. Issa għandu wieħed minn tiegħu. Wieħed li stinka kemm felaħ biex ipoġġi lill-istess Bernard Grech Kap tal-Partit, basta jitwarrab Delia. Wieħed li kien spalla ma spalla ma’ Grech waqt il-kampanja tiegħu u kien qalilna li ma kien sar ebda żball fil-każ tat-taxxa tal-istess Bernard Grech. X’se jagħmel issa Dr Grech?

L-aħħar aħbar li smajna li David Thake staqsa lill-Kummissarju tal-iStandards biex jinvestigah. Minnha infisha din hija ammissjoni li saret xi ħaġa ħażina li hija serja għax kieku ma tistaqsix biex tkun investigat. Hija wkoll ammissjoni li Thake ma fadallux mod ieħor, għax mhux qed ikun emmnut, biex jipprova jnaddaf azzjonitu. Thake qed jagħmel ħiltu kollha biex jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-Parlament allavolja għandu qrara kbira x’jagħmel mal-poplu Malti u Għawdxi kollu wara fuq xi ħaġa simili kien protagonist biex kisser politiku ieħor.

Nispera li tar-Repubblika joħorġu stqarrija u jorganizza xi tip ta’ protesta. Fuq kollox, jgħajtu tant b’riżenji, ser jitolbu għar-reżenja ta’ David Thake?

One thought on “Tar-Repubblika ser jgħajtu għar-reżenja ta’ David Thake wara li nstab li evada t-taxxa?

  1. Don’t hold your breath. More likely they include him in the thank you list that’s been reported in the papers

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *