Ir-riżoluzzjoni għas-sena l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista u l-votanti Nazzjonalisti

Minn osservatur politiku

Hemm xi ċans li l-Partit Nazzjonalista jagħmel riżoluzzjoni għas-sena l-ġdida? Naħseb jekk ikollu jagħmel waħda għandha tkun waħda soda ta’ kif se jistudja l-fatt li f’sena sħiħa ma rnexxielux inaqqas id-distakk mal-Partit Laburista. L-2021 ma tistax tkun konsidrata pożittiva għall-Partit Nazzjonalista. Il-ħafna plejtu li sar f’Ottubru tal-2019 meta l-klikka ħasbu li kif se jibdlu l-Kap se jimxu ‘l quddiem mingħajr tfixkil falliet għal kollox. Din kienet il-wegħda li għamlu b’qerq lit-tesserati u lis-sostenituri kollha tal-Partit.

Imma bħal f’okkażjonijiet oħra, li ma hemmx għal fejn nelenkawhom hawn, din l-imbierka klikka reġgħet ħadet falza stikka kbira. Kemm għamlu storbju li b’Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista mhux se jieħu r-ruħ. Kemm parlaw u sparlaw li Bernard Grech kien ser ikun is-salvatur għall-Partit Nazzjonalista. Kemm qalu li Dr Grech kien se jgħaqqad il-Partit u jkun hemm sinjal ta’ tmexxija soda u unita. Kemm bellgħu gideb lit-tesserati biex għamewhom u dawn ivvutaw skond l-għażla tal-istess klikka.

Imma meta tħares lejn l-2021 u tagħti każ tal-istħarriġ kollu matul is-sena kollha, tinduna li dawn il-mirakli ma seħħewx u n-numri tal-istħarriġ baqgħu niżlin u jgħatu bil-ħarta lill-Partit Nazzjonalista. L-2021 tat prova soda u tanġibli li jekk hemm xi ħaġa ħażina fil-Partit Nazzjonalista hija l-klikka u d-deċiżjonijiet li huma jieħdu.

F’din is-sena seħħ dak kollu li xtaqet din il-klikka, b’riżultati diżastrużi għall-istess Partit. Jekk hemm xi ħaġa li għallmitna s-sena 2021 hija li l-Partit Nazzjonalista jrid bil-fors jinfatam mill-membri kollha ta’ din il-klikka valenuża. L-2021 urietna li dawn il-membri ta’ din il-klikka mhumiex tip ta’ nies li jwarrbu minn jeddhom. Uriet li dawn huma nies li jsibu kull raġuni biex jibqgħu kkakmati mas-siġġu tal-Parlament. Uriet li dawn huma politiċi tal-ħabba gozz għax iridu jibqgħu jidhru huma fuq quddiem u jiġu jaqgħu u jqumu mill-ġid tal-Partit tagħhom stess.

Hemm bżonn li mhux biss is-sostenituri tal-Partit imma anke l-votanti jifhmu li wara sena 2021 tal-qamel għall-Partit Nazzjonalista hemm bżonn li ssir riżoluzzjoni minnhom għas-sena l-ġdida li, kif tasal l-elezzjoni ġenerali, jagħtu xkupatura lil dawn il-membri kollha ta’ din il-klikka, l-famużi blue heroes, u ma jħalluhomx parti minn dan il-Partit glorjuż li din l-istess klikka għarqitu fil-ħama politika tal-iżjed livelli baxxi.

Mela żewġ riżoluzzjonijiet importanti. Waħda mill-Partit biex jipprova jifhem għaliex il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin qatgħu qalbhom mill-Partit Nazzjonalista. It-tieni li l-votant Nazzjonalista jifhem min verament qed jagħmel il-ħsara u meta naslu biex niktbu n-numri fuq il-karta tal-vot niftakkru li l-kaxxa tal-membri tal-klikka trid tibqa’ vojta.

One comment

  1. Osservatur politiku li jemmen fil-polarizzazzjoni, fl-ahna u huma. Osservatur Politiku li jaf jghawweg veritajiet, skond il-livelli ta’ antagonizmu li hu mahkum minnhom. Osservatur poitiku li jgieghel lil shabu fil-mistier jisthu. Forsi Osservatur politiku ma jaghrafx li wkoll laburisti genwini huma mghadba ghar-regim li hakem il-poplu u ssuggettah ghal servitu’.

Leave a Reply