Il-ġabra tal-istrina

Minn osservatur politiku

Il-bieraħ, il-poplu Malti u Għawdxi kien msejjaħ biex juri għal darba oħra l-qalb kbira ta’ ġenerożita li għandu u li dejjem wera. Il-bieraħ, ‘Boxing Day’ il-poplu tagħna ġie mitlub idaħħal idejh fil-but biex jgħin li min hu inqas ixxurtjat. Ġie mitlub iforni flejjes biżżejjed lill-Comunity Chest Fund biex matul is-sena tkun tista’ tagħmel tajjeb finanzjarjament għal kull għajnuna li tista’ tintalab.

Kemm naqbel ma’ din it-tip ta’ ġenerożita mill-poplu. Kemm hu sewwa li mbagħad min isib ruħu quddiem problemi kbar isib dik l-għajnuna tant importanti fis-siegħa tal-prova. Kemm nieħu ġost nisma’ li diversi nies ġew mogħtija l-għajnuna, b’forma ta’ karita’, biex ikunu jistgħu jimirħu f’pajjiżi imbiegħda biex jieħdu l-kura tagħhom jew ta’ uliedhom. Kemm hija mużika sabiħa li tisma li diversi nies ġew mgħejjuna biex jkunu jistgħu jieħdu l-mediċina ideali għalihom li mingħajr għajnuna finanzjarja ma jkunux jistgħu jieħdu l-aħjar kura possibbli. Affarijiet li jmissulek qalbek u tħoss għal min ikun fil-bżonn u għal dan, nerġa’ ngħid, kemm hi sabiħa l-ġenerożita tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Imma meta tibda’ tirrifletti ftit, bla ma trid jaqbdek id-dwejjaq u tistaqsi, għaliex dawn in-nies sfortunati li jiġu maħkuma minn sfidi akbar minnhom, ikollhom imorru jittalbu l-għajnuna, mingħand terzi u ma jsibux l-appoġġ meħtieġ minn għand il-Gvern li jirrapreżenta anke lilhom? Għaliex għandu bniedem marid jgħaddi minn dik il-għafsa ta’ qalb li jkollu jirrikorri għall-għajnuna li fil-fehma tiegħi għandha tkun hemm b’mod awtomatiku? Kif tista’ ma tinkwitax li Maltin u Għawdxin bħalna li jintlaqgħtu minn xi għawġ ikollhom jseffqu wiċċhom għaliex il-Gvern tal-poplu ma jkunx f’pożizzjoni li jgħinhom? Kif tista’ ma taqbdekx rabja meta tara Maltin ħutna, jgħaddu minn martirju biex isibu l-finanzi meta dawn, bħal kull Malti u Għawdxi ieħor, ikunu wettqu d-dmirijiet tagħhom lejn l-iStat billi jħallsu sal-anqas ċenteżmu bħal kull ċittadin ieħor?

Bla ma trid ukoll tiġik f’moħħok is-sitwazzjoni oxxena, ngħid jien, ta’ tant miljuni li sejrin għand barranin li ma huma qed jagħtuna xejn lura. U biex tkompli tgħaxxaqha dawn il-flejjes ħerġin mill-budget tas-saħħa. Kemm jinżlu għasel dawn il-miljuni ta’ Euro, kieku jkunu għad-dispożizzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa biex mingħajr ħafna telf ta’ ħin u enerġija, dawn il-flus imorru mill-ewwel għal min għandu bżonnhom.

Il-flus miġbura b’tant ħidma waqt l-Istrina, huma flus tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Il-miljuni ta’ Euro li qed jitħallsu lill-barranin fuq is-saħħa huma wkoll tal-poplu Malti u Għawdxi. Allura ma tagħmilx iżjed sens li l-Gvern ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-poplu dawk il-miljuni neċessarji biex kull min ikollu l-bżonn, u j’Alla jkunu ftit ħafna jew ħadd, u jiġu mgħejjuna b’mod awtomatiku mingħajr ma jkollhom jittalbu. Nifhem li għandu jibqa’ jsir il-ġbir għaliex hemm sitwazzjonijiet partikolari fejn flus ma jistgħux jiġu fornuti mill-Gvern. U l-Community Chest Fund ikompli jagħmel dmiru fejn jidħlu per eżempju għajnuna għall-avvenimenti kulturali jew edukattivi u mitt ħaġa oħra jew każijiet fejn persuni verament jispiċċaw fi sqaq u minħabba restrizzjonijiet burokratiċi jew speċifiċi ma jistax ikunu mgħejjuna.

Jien nemmen li fejn tidħol is-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnha, ma għandiex taqa’ fuq livell ta’ karita’ għax il-ħajja hija wisq sagra.

2 thoughts on “Il-ġabra tal-istrina

Leave a Reply

Your email address will not be published.