Jason Azzopardi jikkonferma li l-parti mill-ġudikatura emmnet il-qerq tal-prosekuzzjoni fil-każ ta’ Yorgen Fenech

F’dawn il-jiem ta’ festi tal-Milied kellna storja li dehret fil-media. L-ewwel ingħatat l-aħbar li l-Amerika imponiet divjit kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi milli jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż fuq allegazzjoni ta’ korruzzjoni. Jien ktibt ħafna kontra Schembri u Mizzi fil-passat u nibqa’ nżomm ma’ dak li ktibt. Biss dan it-travel ban ma jagħmilx sens għas-sempliċi raġuni li dan hu kolonjaliżmu ġdid Amerikan. Jekk persuna ma għamlet l-ebda reat li għandu x’jaqsam mal-Amerika, ma narax l-iskop tiegħu. Biss dan mhux l-iskop ta’ dan l-artiklu.

Wara ftit kellna lil Matthew Caruana Galizia joħroġ jgħid li dan kien l-ikbar rigal tal-Milied lill-Malta. U hawn tibda l-ipokrezija u jkompli jinkixef il-qerq istituzzjonalizzat li jeżisti fil-każ kontra Yorgen Fenech. Infakkar li Keith Schembri ssemma b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caurana Galizia. B’hekk wieħed jistaqsi lil Matthew Caruana Galizia għaliex l-avukati tiegħu ma rassux lilll-prosekuzzjoni biex iġġib lil Keith Schembri għall-kontro-eżami tad-difiża? Għaliex l-eroj ta’ Matthew Caruana Galizia, jiġifieri Keith Arnaud qatt ma nvestiga sew lil Schembri? Infakkar li l-imħallef Wenzu Mintoff ta ħasla lill-pulizija għal mod kif mexxew l-investigazzjonijiet tagħhom fil-konfront ta’ Schembri. Infakkar li meta deher Keith Schembri fil-qorti bħala xhud tal-prosekuzzjoni fil-kompilazzjoni ta’ evidenza kontra Yorgen Fenech, l-avukati tal-parte ċivile ma rassewx lil Keith Schembri bil-mistoqsijiet. Jason Azzopardi ma staqsa xejn dwaru.

Infakkar li biex Keith Schembri żgur ma jinġibx biex jixhed f’dan l-istadju u jkun suġġett għall-konto-eżami, id-Deputat l-Avukat tar-Repubblika ta’ Malta, Philip Galea Farrugia ħareġ l-att ta’ akkuża kontra Yorgen Fenech meta l-kompilazzjoni tal-evidenza kienet għada għaddejja u l-avukati tad-difiża kienu għadhom ma għamlux il-kontro-eżami jiġifieri il-mistoqsijiet tagħhom lil Keith Schembri.

Biss l-istorja ma tieqafx hawn. Wara ftit li ħarġet din l-aħbar stramba li l-Amerika għamlet travel ban kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi, ħareġ jikteb Jason Azzopardi u qalilna li l-Amerika għamlet sanzjonijiet (travel ban) kontra Keith Schembri u Yorgen Fenech! Ma kienx hemm konferma jew ċaħda mill-Ambaxxata Amerikana ta’ dan il-fatt. Ma nafx jekk dan hux minnu jew le. Dak li nista’ nżid li din l-affermazzjoni ta’ Jason Azzopardi kienet endorsed mid-deputat tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa. Casa kompla jgħidilna li dawn is-sanzjonijiet ma humiex biss kontra Yorgen Fenech imma wkoll kontra l-familjari tiegħu.

Jekk dan hu minnu, din hija theddida mill-Ambaxxata Amerika lejn proċess ġudizzjarju ekwu fil-konfront ta’ Yorgen Fenech għaliex qed titfa’ dellijiet koroh fuq persuna li jinsab arrestat il-ħabs u jrid jgħaddi ġuri. Infakkar li Yorgen Fenech għandu jkun mitqies innoċenti sakemm jinstab ħati. Infakkar li dan jinsab għaddej bi proċeduri fil-qorti fuq każijiet ta’ korruzzjoni. Mela l-Amerika ġa sabet persuna ħatja meta dan għadu mitqies innoċenti mill-qrati tagħna. Fuq kollox x’għandhom x’jaqsmu l-mara u t-tfal tiegħu biex skond David Casa ma jitħallewx jidħlu l-Amerika?

Biss din l-aħbar ta’ Jason Azzopardi li l-Amerika għamlet sanzjonijiet jew travel ban kontra Yorgen Fenech turi l-aġenda moqżieża tal-prosekuzzjoni kontra dan il-bniedem u l-qerq li ngħad fil-qorti fil-konfront tiegħu. Infakkar li dan il-qerq ġie emmnut kemm mill-maġistrata Rachel Montebello u anki mill-Imħallfa Edwina Grima li ser tmexxi l-ġuri kontra tiegħu. Ara kif qatt dan il-bniedem jista’ jkollu ġuri serju u ekwu!

Waħda mir-raġunijiet li taw kemm Montebello u Grima għala ma riedux jagħtu l-liberta’ proviżorja lil Yorgen Fenech kienet dik li verament teżisti l-biża’ li dan jista’ jaħrab minn Malta. Issa jekk wieħed jiftakar tajjeb, waħda mir-raġunijiet li f’Awwissu li għadda ġabet il-pulizija biex Yorgen Fenech ma jingħatax il-liberta’ provizorja kienet dik li dan jista’ jaħrab minn Malta u jmur jgħix l-Amerika! Iċ-chief investigator Arnaud kien ikkwota fil-qorti korrispondenza li kienet għaddiet bejn Yorgen Fenech u ommu fejn skont Arnaud din tikkonferma li dan ried imur jgħix l-Amerika, Ħa nfakkar x’kiteb il-ġurnalista ta’ Newsbook, Yorgen Balzan fl-20 ta’ Awwissu tal-2021 fuq dan il-fatt. Infakkar ukoll li din il-gazzetta diġitali tal-Knisja Kattolika ma hija simpatika xejn lejn Yorgen Fenech.

Issa għandna l-avukat tal-Parte Ċivili tal-familja Caruana Galizia li qed jgħid li l-Amerika ma tridx li Yorgen Fenech jirfes fuq artha. Dan hu l-istess avukat li oppona li Yorgen Fenech jingħata l-liberta’ għaliex fost l-oħrajn seta’ jaħrab u jmur jgħix l-Amerika! Infakkar li Arnaud ġie deskritt minn Matthew Caruana Galizia bħala l-eroj tiegħu. U l-eroj ta’ Matthew Caruana Galizia qal lill-qorti, erba’ xhur ilu, li hemm riskju (il-kelma użata mill-ġurnalista hija flight risk) li Yorgen Fenech jaħrab lejn l-Amerika u għalhekk ma għandux jingħata l-liberta’ proviżorja. Issa l-avukat ta’ Matthew Caruana Galizia, li hu biċċa waħda mal-prosekuturi, qed jgħidilna li l-Amerika ma tridx lil Yorgen Fenech jirfes fuqha artha!

Mela issa għandna prova ċara li jekk Yorgen Fenech jingħata l-liberta’ proviżorja ma jistax jaħrab. Żgur ma jistax jmur l-Amerika għaliex l-Amerika ma tridux jirfes fuq artha u wisq inqas jista’ jmur x’imkien ieħor għaliex l-Amerika stess ser ikollha għajnejha fuqu u ser tosserva kull fejn ser imur jgħix Yorgen Fenech.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar kemm għandna frame-up istituzzjonalizzat kontra Yorgen Fenech. U mbagħad jiġu tal-Kummissjoni Venezja u jitkellmu bir-riformi ħalli tissaħħaħ ir-rule of law f’Malta! Aħjar jaraw kif jaħdmu sew l-affarijiet għaliex fil-każ ta’ Daphne Caurana Galizia ħlief ħmieġ ma rajniex u dan il-ħmieġ qiegħed isir kontra persuna li għandu l-mezzi biex jiġġieled. Aħseb u ara x’jagħmlu dawn l-istituzzjonijiet kontra xi ħadd li ma għandux mezzi!

Leave a Reply