L-awguri tiegħi għall-Milied ħieni lill-qarrejja kollha ta’ dan il-blog.

Minn osservatur politiku

Il-Milied reġa’ magħna. Illum Lejlet il-Milied. Nittamaw li kull wieħed u waħda minnha jgħaddu l-Milied mal-għeżież tagħhom fi żmien ta’ paċi, ferħ u saħħa. Dan ser ikun l-aħħar artiklu tiegħi ta’ qabel il-Milied u għalhekk bix-xieraq li nieħdu ftit mumenti u naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi dwar dak il-Milied.

Li nsibu l-vera ferħ tal-Milied mhuwiex li niġru u niġġennu biex inlaħħqu nagħmlu ħafna affarijiet. Insibu l-veru ferħ tal-Milied meta nifhmu eżattament x’inhi t-tifsira tal-Milied. Dan insibuh meta npoġġu lil Ġesu Salvatur bħala il-focus tagħna f’dan l-istaġun. Imwieled fi stalla, imgeżwer ġo maxtura, Huwa ġie mill-ġenna biex jgħix magħna fuq din l-art bħala bniedem u biex jistabilixxi r-renju ta’ Alla.  Il-Vanġelu glorjuż tiegħu biddel kull ħsieb fid-dinja. Huwa għix għalina u Hu miet għalina. X’nistgħu aħna nagħtuh lura Lilu?

Christina Rossetti kitbet xi ħaġa hekk fil-proża tagħha: x’nista’ nagħtih, jien bniedem fqir. Kieku kont ragħaj kont noffrilu ħaruf. Kieku kont bniedem għaref kont nagħmel il-parti tiegħi. Imma x’nista’ nagħtiH? NagħtiH qalbi.

Għalina ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied għandha tkun riflessjoni ta’ mħabba u li ninżgħu mill-egoiżmu tagħna kif għallimna Ġesu stess. Inneħħu s-suppervja kif tant tajjeb Papa Franġisku qal lill-kardinali tiegħu fl-awguri tal-Milied.  Li nagħtu, mhux li nirċievu, idaħħluna fl-aqwa atmosfera tal-ispirtu tal-Milied. Żgur inħossuna nies li nxerrdu l-ħniena lil xulxin. Noħorġu idejna b’imħabba biex ngħinu lil min hu aktar nieqes minnha. Il-qlub tagħna jirtabu ħafna aktar.

Niftakkru fil-ħbieb u naħfru lill-għedewwa tagħna u b’hekk nimxu mal-kelma Tiegħu. Nagħtu ħafna aktar ċans lill-ispirtu tal-Milied jippenetra qalbna biex inħarsu lejn il-ħajja mgħaġġla tad-dinja u ninteressaw ruħna iżjed fin-nies milli fl-affarijiet.

Biex ngħannqu magħna il-veru spirtu tal-Milied hemm bżonn li nnaqsu l-aħħar sillaba tal-kelma Christmas li mill-ewwel tiġi tfisser l-ispirtu ta’ Ġesu’. Irridu nħarsu lejn il-Milied bħala il-mument li nonoraw Lilu u nirringrazzjawH għas-sagrifiċċji kbar li għamel għalina.

Naħseb li l-isbaħ mod kif verament inwettqu l-Milied qiegħed miġbur f’din id-dikjarazzjoni bl-Ingliż:

During the hurry of the festive occasion of this Christmas season, find time to turn your heart to God. Perhaps in the quiet hours, and in a quiet place, and on your knees—alone or with loved ones—give thanks for the good things that have come to you, and ask that His Spirit might dwell in you as you earnestly strive to serve Him and keep His commandments”.

Nixtieq nawguralkom Milied Hieni mimli mħabba u ferħ, imdawrin bil-familja u l-ħbieb u li fit-tgeżwir tar-rigali ssibu wkoll ħafna daħq li jirrifletti l-imħabba fir-rigal. Nawgura lil kulħadd li tkunu mogħnija bil-miraklu li tlabtu għalih u tixtiequ f’dan il-Milied. Jiena nemmen fil-maġija divina f’dan iż-żmien qaddis tal-Milied. U ejjew ma ninsew qatt il-birthday ta’ min qed niċċelebraw, ejjew inżommu f’qalbna lil Ġesu Kristu f’Ġesu Bambin.

One comment

Leave a Reply