Ejja nħallu l-jum tas-26 ta’ Diċembru, il-ġurnata tal-għaqda Nazzjonali: ejjew nkunu ġenerużi fl-Istrina.

Bħal ma jkun qed jiġri dejjem, f’dawn iż-żminijiet isiru ġabriet għal min hu inqas ixxurtjat minnha. L-aktar ġabra importanti hija dik magħrufa bħala l-Istrina li issa qed tkun organizzata l-għada tal-Milied.

Illum, aktar minn qatt qabel għandna għalfejn ikunu ġenerużi. Hu żmien diffiċli għal ħafna. B’hekk il-ġenerożita’ tagħna għandha tikber u mhux tonqos f’dawn il-jiem.

Għalhekk inweġġa’ meta nisma min jgħid ejja nagħmlu boycott lill-Istrina. Il-President tar-Repubblika tkellem dwar dan. Jidher li dan il-boycott qed jiġi oriġinazzat għaliex hemm min mhux qed jaqbel mal-fatt li l-President tar-Repubblika ffirma l-liġi dwar l-użu tal-Kannabis.  

Ejjew ma nħalltux il-ħass mal-pitravi. Jien kontra din il-liġi u qed nikteb kontra tagħha fuq dan is-sit. Biss hu fid-dmir tal-President tar-Repubblika li jiffirma kull liġi leġittima li tgħaddi mill-parlament, la darba għaddiet b’mod demokratiku. Aħna għandna Repubblika Parlamentari u mhux Presidenzjali. Mela hu fid-dmir u d-dover tal-President li jirrispetta d-deċiżjonijiet li jieħdu r-rappreżentanti tal-poplu. Issa jekk il-poplu ma jaqbilx ma xi deċiżjoni li dawn jieħdu, għandu jdur lejn ir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament (u mhux lejn il-President tar-Repubblika) għas-sodisfazzjon.

Biss l-iskop ta’ dan l-artiklu mhux biex nitkellem u nispjega dan il-punt. Min ried li l-President tar-Repubblika ma jiffirmax din il-liġi, ried biss joħloq kriżi kostituzzjonali bla preċedent għaliex ried jitfa’ lill-President tar-Repubblika kontra r-rappreżentanti li eleġġew il-poplu. Finalment, din mhix xi liġi anti-kostituzzjonali. Mela l-president ma jistax ma jiffirmahiex.

Bħal ma tafu, dan hu sit li ta u jagħti spazju lil dawk il-persuni li normalment ma jkollhomx leħen fil-media. Dan hu sit li ta u qed jagħti spazju lil dawk li huma xettiċi dwar il-miżuri li qed jieħu l-Gvern kontra l-Covid. Jien kont wieħed minn ta’ l-ewwel li tkellimt b’ċertu xettiċizmu kontra numru ta’ miżuri u anki kont l-ewwel wieħed li offrejt spazju fuq it-television lil dawk li huma kontra dawn il-miżuri u ġejt mgħajjar li jien theddida għas-saħħa pubblika. Kont u għadni qed nitkellem kontra l-Kannabis. Biss dan ma jfissirx li għandi nagħmel boycott lill-President tar-Repubblika u wisq aktar naqbel ma’ dan il-boycott.

Mela l-mard għandu xi wiċċ? Dawn huma flus li jinġabru biex jintużaw ħalli jgħinu lil min hu marid, b’mod partikolari dawk morda bil-kancer u persuni oħra fil-bżonn. Għaliex għandha niċċajtaw mal-mard jew nagħmlu ħsara lill-Community Chest Fund li qed tagħmel tant ġid lis-soċjeta’ tagħna? Infakkar li l-mard u l-faqar ma għandhomx kulur politiku. Il-mard għandu biss intenzjoni waħda u kulħadd jaf x’inhi. Mela għaliex quddiem din l-inizjattiva ta’ ġid tkellimna fuq bojkott? Għaliex hemm min għandu interess li jdaħħal il-politika fin-nofs f’attivitajiet li għandhom iservu ta’ għaqda nazzjonali?

Mela ejja nħallu l-jum tat-26 ta’ Diċembru bħala l-ġurnata Nazzjonali tagħna l-Maltin. Ejja nħallu 26 ta’ Diċembru l-jum tal-għaqda Nazzjonali. Ejja nħallu s-26 ta’ Diċembru l-bogħod mill-politika. Dan għandu jibqa’ l-jum tagħna lkoll. Ejja nibqgħu leħen wieħed billi nħallu dan il-jum bħala dik il-ġurnata fejn il-ġens Malti jingħaqad f’solidarjeta’ Nazzjonali!

Leave a Reply