Ix-xenarji differenti li wieħed jistenna fil-Partit Laburista wara r-reżenja ta’ Silvio Grixti.

Dr. Silvio Grixti rriżenja minn deputat tal-parlament. Dr. Grixti qed jiġi nvestigat mill-pulizija u ftit wara li ġie interrogat u meħlus fuq bail huwa ddeċieda li jabbanduna l-ħajja politika tiegħu billi saħansitra jitlaq mill-Parlament. Mhux ser nidħol fuq il-każ, imma jekk vera kif qed jingħad li dan qed jiġi investigat fuq xi ċertifikat tas-sick leave li ħareġ, allura verament il-pulizija ma għandhomx fuq xix jinvestigaw!

Forsi wieħed jista’ jaħseb li din hija doċċa kiesħa oħra għal Robert Abela li qed jara lil partit tiegħu jċedi għal ħafna affarijiet li ħerġin minn ġurnata għall-oħra. Imma jien għandi d-dubji tiegħi. Qed ngħid dan għaliex kulħadd jaf li Dr. Robert Abela qed jaħtaf kull okkażżjoni ta’ riżenja mill-parlament biex jinnomina nies li ma kienux kandidati fl-aħħar elezzjoni ġenerali. B’hekk Dr. Abela qed isaħħaħ il-grupp parlamentari tiegħu billi jpoġġi nies li jista’ jserraħ rasu minnhom. Minn dawn kellna numru mdaqqas li seħħew f’din il-leġislatura.

X’se jagħmel din id-darba l-Mexxej tal-Partit Laburista? F’dan il-każ, Dr. Abela ma jistax imur għal co-option. Trid bil-fors issir casual election. B’hekk jekk, il-Prim Ministru jmur għal casual elections, għandu ċans li min jitla’ mhux bil-fors ser ikun mill-grupp tal-Prim Ministru. Hu fatt magħruf, li Dr. Abela jħobb iqiegħed lil xi ħadd li jkun ta’ fiduċja tiegħu.

Peress li Dr. Silvio Grixti tela’ bħal wieħed mill-ħamsa li jitilgħu fuq id-distrett, hemm bżonn ta’ casual election. Meta ssir din it-tip ta’ elezzjoni jkunu jistgħu jikkontestaw dawk il-kandidati kollha li kienu kkandidaw irwieħhom fl-aħħar elezzjoni ġenerali fuq id-distrett minn fejn tela’ Dr Grixti, jiġifieri mit-tielet distrett u li huma tal-partit ta’ dak id-deputat li vvakat is-siġġu fil-Parlament. Mela jekk irid lil xi ħadd partikulari, Dr. Abela jrid jagħmel il-mossa li kienet saret meta ħa postu fil-Parlament Dr. Adrian Delia. Irid isir arranġament intern li ma jikkontesta ħadd mill-kandidati Laburisti fuq it-tielet distrett meta jinfetħu n-nominazzjonijiet biex jintela’ post ta’ Silvio Grixti. Inkella jitla’ xi ħadd li jkun lest li jirriżenja mill-ewwel kif jitla’ u hekk ikun jista’ joħodlu postu xi ħadd ġdid, kif kien ġara meta tela’ Gavin Gulia u rreżenja wara li tela’.

Anke hawn għandu test politiku Dr Robert Abela għax irid jikkonvinċi lil min ser jitla’ biex jagħmel din il-mossa jekk għandu l-ħsieb li jpoġġi lil xi ħadd li jkun jista’ juża l-preġji tiegħu bħal ma għamel bi Clyde Caruana biex insemmu wieħed. Jista’ jkun li se jaħtaf l-okkażżjoni biex ibiddel lil xi ministru. Forsi għandu f’moħħu li jkollu lil xi ħadd li jkun jista’ jieħu post Justyne Caruana bħala Ministru tal-Edukazzjoni.

Għażla oħra li għandu quddiemu hija dik li wara li jiftaħ il-parlament mill-btajjel tal-Milied, ixoljih mill-ewwel u jmur għall-elezzjoni. Jekk jiġri hekk ma jkunx hemm casual election. Fil-politika tistenna minn kollox u għalhekk ma tkunx sorpriża li jxolji l-parlament wara l-btajjel tal-Milied u jaqta’ ras lil ħafna nkwiet intern li għandu li jekk ma jieħux ħsiebu, ser jikber u jispiċċa ma jkunx jista’ jikkontrollah.

Leave a Reply