Il-verita’ dwar il-liġi tal-Kannabis

Minn qarrej ta’ dan il-blog

Il-ġimgħa l-oħra ġiet approvata il-liġi dwar użu responsabbli tal-kannabis. Għallinqas, dan hu l-mod ta’ kif din il-liġi qed tiġi msejħa. Dawn l-aħħar ġimgħat smajna u qrajna ħafna dwarha. Rajna l-oppożizzjoni, il-PN, li lanqas indenja ruħu jipparteċipa fil-“White Paper” li kienet ħarġet dwarha. Rajna l-kap ta’ lis-stess oppożizzjoni jagħmel U-turn, fejn jidher li min jheddhu, b’mod primatur ikkummenta li hu kien jaqbel mal-liġi. Skont kif ġie rrappurtat f’dan is-sit, kien qabel magħha, wara li laqa’ l-opinjoni tat-tifel tiegħu. Pero’ kif ukoll qrajna f’dan is-sit, il-grupp parlamentari tal-PN kien ta’ fehma differenti. Il-PN spiċċa iħabbar li hu kien kontra din il-liġi u issa qed jitlob biex din il-liġi tiġi rtirata.

Min-naħa l-oħra rajna u smajna lill-Gvern jiddefendi u jiġġustifka din il-liġi. Qalilna li grazzi għal din il- liġi, uliedna jekk jinqabdu b’7 grammi kannabis, ma jispiċċawx il-qorti u l-ħabs. Qalulna wkoll, li grazzi għal din il-liġi, ser jitnaqqas it-traffikar tad-droga kannabis. Dan il-paroli ma kien xejn ħlief imgħarfa zokkor jew għasel biex ma nduqux l-imrar ta’ din il-mediċina! Il-verita’ għarwiena għar-raġuni għala ġiet magħġuna u kif ġiet magħġuna din il-liġi ħareġ fil-beraħ hekk kif ġiet approvata mill-parlament. Din il-liġi ser tippermetti li jinfetħu dak li qed issejħu “Private Clubs”. Din il-kelma “Private Clubs” hi biss “wrapping” kulurit, biex vilment ma jgħidux li tfisser stabbilimenti ta’ divertiment fejn il-parruċċani jistgħu jpejpu l-kannabis ġo fihom!

Mela din il-liġi ma tillimitax li l-kannabis tista’ tiġi kkunsmata legalment fil-privatezza tad-dar ta’ min irid jużaha, imma fetħet il-bieb li jistgħu jinfetħu stabbilimenti fejn joffru li jista’ ksir il-konsum tal-kannabis ukoll. Ma tridx tkun ġenju biex tasal għall-konklużjoni x’kienet ir-raġuni għala dan il-Gvern ressaq u approva b’ħiltu kollha din il-ligi. Hu ovvju li din il-liġi ġiet xprunata minn imprendituri ta’ negozju fil-qasam tad-divertiment biex ikollhom niċċa oħra min fejn jistgħu jagħmlu aktar flus.

Wieħed jista’ jobsor kif ser isiru postijiet tad-divertiment, bħal per eżempju Paceville! Mhux ta’ xejn li l-Gvern baqa’ għaddej gaffa b’din il-liġi fil-parlament u injora kull suġġeriment min għand l-esperti u mingħand l-agenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga, bħal Caritas. Issa jidher ċar għala lanqas biss ikkunsidhom. Kieku laqa’ u kkunsidra dawk emendi, il-vera skop talli ġiet mgħoddija din il-liġi ma kienx jintlaħaq.

Jista’ mhux jgħid l-Onorevoli Owen Bonnici li ma hemmx “Smoke Screen” quddiem din il-liġi. Hemm “Smoke Screen” ferm qawwi, iktar mid-duħħan kollu li tipproduċi l-kannabis hi u tinħaraq fil-“joints”! Ġejjin bil-“Private Club”. Ħalluna! Bħal li kieku wieħed ma jistax jobsor ser isarrfu dawn il “Private Clubs”! Din bħal mal-briedel mhux permessi hawn Malta. Xi ħadt jemmen li hawn Malta ma hawnx briedel? U żgur li hawn. Ma għandhomx it-titlu ta’ burdel, imma qed insejħulhom “Gentlemen’s Clubs” u “Message Parlours”. LOL. What’s in a name!

Issa fis-social media qed iduru posts, fejn qed jitolbu għal referendum abbrogattiv biex titneħħa din il-liġi. Naħseb ikun aktar għaqli li din il-liġi tiġi emendata milli mwaqqa’ kompletament. Għandu jibqa’ li min jagħmel użu limitat tal-kannabis, ma jispiċċax il-qorti jew il-ħabs, imma għandha titneħħa kull possibilita’ li l-kannabis tiġi kummerċjalizzata. Għalhekk nitlob biex l-agenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga u esperti jingħaqdu flimkien biex bejnithom joħolqu mozzjoni ta’ emendi u dawn l-emendi jiġu ippreżentati f’referendum. B’hekk il-poplu ikun jaf għal xix ser jivvota u mhux jivvota fuq ix-xejn.

Sliem.

Leave a Reply