L-iskelettri fil-cupboard ta’ Dr. Bernard Grech

Minn osservatur politiku

Il-bieraħ, Dr Bernard Grech tella’ post fuq Facebook fejn qed jgħid li “Il-Gvern ta’ Robert Abela f’kollass totali”. Wieħed jibda biex jaqbel li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jiffaċċja l-inkwiet u mid-dehra mhux se jieqaf malajr għax dejjem ħiereġ xi ħaġa ġdida. Imma kummenti bħal dawn nistenniehom minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista imma togħrokni għajnejja meta jiktibhom Bernard Grech. Araw x’kiteb Dr Grech fil-post tiegħu:

Xibka ta’ kriminalità li qed tikkrolla biċċa biċċa u m’għadhiex tenibbli. Illum biss: riżenja ta’ membru Parlamentari għax investigat mill-pulizija, ieħor ma jistax jikkontesta għax investigat fuq evażjoni ta’ taxxa u nkixef mill-ġurnalisti, u Ministru tal-Edukazzjoni għadha hemm għax il-Prim Ministru jibża’ jkeċċiha.

Fost dak li qal s’issa laqtitni ħafna meta qed jirreferi għal Castaldi Paris li ma jistax jikkontesta għax investigat fuq evażjoni ta’ taxxa u nkixef mill-ġurnalisti. Qal ukoll li l-Prim Ministru qed jibża’ jkeċċi lil Justyne Caruana. Dan hu punt li tqajjem f’dan is-sit. Għall-inqas, ikolli nikkonkludi li Bernard Grech qed jaqra x’jinkiteb fuq dawn il-paġni.

Imma l-problema tibqa’ din. Il-Malti jgħid li biex tiskonġra trid tkun pur. Dr Grech donnu nesa tiegħu. Nesa li hu għamel tnax-il sena jħabbat wiċċu mad-Dipartiment tat-Taxxa u tal-VAT. Donnu nesa li sar crowd funding biex solva l-problema li kellu. Donnu nesa li rranġawlu appuntament ta’ malajr biex isib soluzzjoni. Donnu nesa li dam snin jikkumbatti għax donnu ma kienx jaqbel ma kemm kienu qed jgħidulu biex iħallas. Donnu nesa li bħala avukat kien jiddikjara qliegħ redikolu li lanqas tistennieh minn prinċipjant.

Dr Grech kompla jgħid lil Dr Abela qiegħed fit-tmun ta’ “Gvern li qed iwassal għal ħsara irreparabbli għal isem pajjiżna waqt li suppost niġġieldu pandemija u ffukati biex noħolqu l-ġid”. Anke hawn reġa’ nesa Dr Grech li hu b’dak l-iskalettru li kellu fil-cupboard tiegħu għamel ħsara irreparabbli għall-Partit Nazzjonalista li se jibqa’ jissemma li kellu kap li kellu nkwiet serju mad-Dipartiment tat-Taxxa u tal-VAT.

Dr Grech kompla jgħid li “Il-ħaddiem Malti, iż-żgħażagħ u l-Maltin kollha għandhom dritt għal gvern li jmexxi b’serjetà u għaqal. Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun dak il-Gvern li ħaqqhom il-Maltin beżlin u ħawtiela”. Kemm jgħodd dan id-diskors għall-partitarji Nazzjonalisti. Kemm ħaqqhom serjeta’ u għaqal l-elettorat Nazzjonalista fil-partit tagħhom stess. U ara kif kompla:

Il-Maltin ħaqqhom aħjar. Aħna ser inkunu aħjar”. Anke n-Nazzjonalisti ħaqqhom aħjar. Kif nistgħu nkunu aħjar? Kif tista’ Dr Grech tgħid li aħna ser inkunu aħjar? Taf li d-dnub għalkemm maħfur ma jintesiex. Allura kif tista’ tneħħi t-tebgħa li ħloqt lilek innifsek tul numru ta’ snin?

Dr Grech għalaq il-post tiegħu billi sejjaħ lil kull elettur biex: “Ingħaqdu magħna llum biex inneħħu dan il-Gvern li mhuwiex tenibbli u nagħtu gieħ lil Malta bi gvern ġdid nadif, onest, u lest biex jaħdem għalik. B’hekk nibdew intejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna”.

Dan huwa diskors li nirreċiprokawh lejk Dr Grech. Ma nistax jifhem kif qed tippretendi li l-iżbalji tiegħek li wettaqt tul tnax-il sena għandna ninsewhom jew ma nitkellmux fuqhom iżjed. Il-problema hi li kull kelliem fil-Parlament min-naħa tal-Gvern ifakkrek fuq dawk id-dnubiet li int wettaqt. Anke d-deputat li qed issemmi int li evada t-taxxa illum qallek li hu mhux ser imur iħallas it-taxxa biex jidħol fil-parlament, bħalma għamilt int Dr Grech.

Kull darba li jitkellem il-Prim Ministru jfakkrek għax isemmielek dawk in-nuqqasijiet tiegħek. Mela meta tgħajjat lill-poplu biex jingħaqad miegħek, trid tiftakar li hawn ħafna nies hawn barra, li jiftakru ma min qed jintalbu biex jingħaqdu. Jekk int issejjaħ lill-Gvern mhux tenibbli hemm mijiet tal-eluf li għadhom u se jibqgħu jgħidu li postok mhux tenibbli Dr Grech. Biex ikollok Gvern nadif, onest u lest li jaħdem għalik, trid tiftakar Dr Grech li d-Dipartiment tat-Taxxa, id-Dipartiment tal-VAT u l-qorti għandhom informazzjoni dwar in-nuqqasijiet tiegħek li tagħmel x’tagħmel qatt ma huma se jitħassru b’ebda gomma politika. Dawn skelettri li ser jibqgħu jiġru warajk.

One comment

Leave a Reply