L-eroina reġgħet daħlet fil-ħabs
Il-bieraħ kellna l-aħbar li l-ekx-direttur tal-ħabs Alex Dalli, tneħħa b’mod permanenti mill-kariga tiegħu. Fi stqarrija li ħareġ il-ministru Byron Camilleri għarraf lill-poplu Malti li Dalli spiċċa mill-kariga b’mod permanenti.
Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri hija din. Lest jikkonferma li nstabu żewġ każijiet ta’ pruġunieri ġewwa l-ħabs ta’ Kordin pożittivi għall-eroina?
Ma għandix dubju li l-eks-direttur illum huwa rassenjat u ma jridx imur lura. U sew jagħmel. Meta jkollok amministrazzjoni kontra tiegħek, l-agħar li tagħmel hija li tmur lura. Issa naraw fejn ser tmur din l-amministrazzjoni l-ġdida. Biss napprezza jekk din l-amministrazzjoni u l-ministru konċernat jikkonfermaw din l-aħbar. Jiġifieri ġa bdew jinstabu ħabsin pożittivi għall-eroina.
Fuq kollox, dak li ma qalx il-Ministru Byron Camilleri huwa li dawk ir-riformi li tkellem dwarhom u li jrid jagħmel fil-ħabs kollha huma xogħol tal-eks-direttur uxxenti, Alex Dalli. Anki l-infrastruttura li jrid jibni huwa proġett tiegħu. Tant dan hu minnu, li saħansitra kienu ppjanati fil-budget tal-Gvern li għadu kif ġie approvat. Id-differenza tinsab fil-fatt, li dawn ir-riformi kienu qed isiru f’ħabs li hu nadif mid-droga. Nerġa’ nistaqsi lill-Ministru Camilleri; jista’ jikkonferma jew le jekk ħabsin qegħdin jerġgħu jibdew jinstabu pożittivi għad-droga?
Grazzi ghal Peppi u Andrew Azzopardi li rega hemm l-eroina fil Habs.